Il-Papa ltaqa’ mal-mara li ħatfitlu idu lejlet is-sena l-ġdida

Il-Papa jieħu b'idejn il-mara li lejlet l-ewwel tas-sena ġibditu minn idu.

Filmat li juri lill-Papa Franġisku jagħti daqqiet żgħar bl-herra fuq id mara li ħatfitlu idu lejlet l-ewwel tas-sena fi tmiem ta’ ċelebrazzjoni fi-Vatikan, tpoġġa fuq il-midja soċjali u dar mad-dinja kollha. Iżda l-Papa skuża ruħu ta’ dan l-aġir u talab li tinstab il-mara biex jiskuża ruħu magħha personalment.

L-għada ta’ dan l-inċident, il-Papa nnifsu, wara t-talba tal-Anġelus mill-gallarija tal-Vatikan tkellem dwar l-inċident u skuża ruħu ta’ li għamel. Hu qal li ħafna drabi nitilfu l-paċenzja u dan jiġri lilu wkoll. F’dak il-mument inħasad u tilef il-paċenzja.

Iżda din l-apoloġija pubblika ma kinitx biżżejjed.  Il-Papa talab biex tinstab din il-mara biex jiskuża ruħu magħha personalment. Fil-fatt il-mara nstabet u wara l-udjenza ġenerali tat-8 ta’ Jannar, il-Papa Franġisku ltaqa’ magħha għal ftit mumenti u ħadu bi jdejn xulxin. 

Din il-laqgħa saret fil-ħin magħruf bħala il-“baciamano,” ħin riżervat għal ċerti pellegrini wara l-udjenzi ġenerali li l-Papa jagħti kull nhar t’Erbgħa.

Fl-udjenza ġenerali qabel iltaqa’ ma’ din il-mara il-Papa Franġisku tkellem dwar San Pawl u l-imħabba t’Alla u qal li l-Mulej kapaċi joħroġ it-tajjeb minn kull ċirkostanza – anke jekk din tkun tidher li hi falliment.

Fil-bidu tal-udjenza, il-Papa, b’ċajta qal lil waħda soru li ħarġet idha biex tilħqu: “Tigdimnix u jekk toqgħod kalma nagħtik bewsa fuq ħaddejk”.