Il-Papa lis-sinjuri: Tibqgħux tgħaffġu lill-foqra, l-immigranti u r-refuġjati

Il-Papa Franġisku jwissi dwar il-foqra u r-refuġjati

Skont il-Papa Franġisku l-unika “risposta raġjonevoli” għall-isfidi li toffri l-immigrazzjoni tal-lum huma s-“solidarjetà u l-ħniena” u anqas kalkulazzjonijiet politiċi u aktar qsim xieraq tar-responsabbiltajiet.

Il-Papa kkwota biċċa mill-Bibbja u qal li qed joqrob iż-żmien meta Alla jibgħat il-ġuħ fid-dinja… u għatx biex jisimgħu l-kelma tiegħu fuq dawk kollha li jgħaffġu fuq min hu fil-bżonn u dawk li jeqirdu l-foqra.

Illum, ħafna mill-foqra qed ngħaddu minn fuqhom.

“U kemm foqra qed jinqerdu! Dawn kollha vittmi tal-kultura tar-rimi li kkundannajna kemm-il darba. Dawn jinkludu l-emigranti u r-refuġjati li jkomplu jħabbtu fuq il-bieb tan-nazzjonijiet li huma aktar sinjuri u għandhom aktar ġid”.

Il-Papa għamel din it-twissija waqt quddiesa privata li ċċelebra fl-Artal tal-Katidral ta’ San Pietru li jinsab wara l-artal maġġur tal-Vatikan u li għaliha attendew biss madwar 200 persuna u xi emigranti li jaħdmu magħhom.