Il-Papa lill-Marokkini: Ġej bħala Pellegrin tal-Paċi u l-Fraternita

The logo for the Pope's visit to Morocco

“Jien ġej bħala pellegrin tal-paċi u l-fraternità f’dinja li għandha bżonn ħafna ta’ dawn iż-żewġ s-sentimenti, kif kien ġie l-predeċessur tiegħi l-Papa San Ġwanni Pawlu II”, qalil-Papa Franġisku b’messaġġ bil-video li bagħat lill-poplu tal-Marokk qabel għada ż-żjara tiegħu f’dan il-pajjiż.

Papa Franġisku is-Sibt filgħodu jitlaq  mill-Vatikan għal żjara ta’ jumejn fil-Marokk.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa nsista dwar id-dimensjoni inter-reliġjuża ta’ dan il-vjaġġ f’pajjiż fejn il-Kattoliċi huma biss 0.07% tal-popolazzjoni. “Aħna l-Kristjani kif ukoll il-Musulmani, nemmnu fil-Ħallieq u Alla tal-Ħniena li ħalaq lill-bniedem u poġġih fid-dinja biex jgħix bħal aħwa u nirrispettaw id-differenzi u ngħinu lil xulxin”.

Il-papa appella wkoll għal impenn komuni favur l-ambjent u qal li “Alla fdalna d-dinja, id-dar komuni tagħna biex inħarsuha b’responsabbiltà u nippreservawha għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Hu wera x-xewqa li jinkoraġixxi l-komunità nisranija biex tilqa’ lill-emigranti u appella biex flimkien nibnu dinja aktar ġusta u solidali.  Fil-vjaġġ tiegħu l-Papa għandu ppjanat li jiltaqa mal-Kattoliċi fil-kwartieri tal-Caritas djoċesana.

Matul il-jumejn taż-żjara tiegħu l-Papa Franġisku se jkun fil-kapitali Marokkina, Rabat.

Papa Franġisku mistenni jasal f’Rabat għada fis-2.00 p.m. fejn jingħata merħba uffiċjali fil-pjazza quddiem il-Palazz Presidenzjali u jagħmel żjara ta’ kortesija lir-Re Mohammed VI.

Wara jkollu laqgħa mal-awtoritajiet tal-pajjiż, is-soċjetà ċivili u l-membri tal-Korp Diplomatiku u jagħmel diskors. Minn din il-laqgħa, l-Qdusija Tiegħu jmur iżur il-Musulew ta’ Mohammed V u mbagħad l-Istitut għat-taħriġ tal-Imams u predikaturi nisa u rġiel.

Fis-6.00 p.m. il-Papa mistenni jkollu l-laqgħa mal-emigranti li tkun l-aħħar attività tiegħu għal-lum.

Il-Ħadd, il-ġurnata uffiċjali tal-Papa tibda fid-9.30 a.m. bi żjara fiċ-Ċentru għas-Servizzi Soċjali u wara jiltaqa’ mal-qassisin, reliġjużi, persuni konsagarati u mal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, f’laqgħa fil-Katidral ta’ Rabat.

Wara l-ikel, għalħabta tat-3.00 ta’ wara nofisnhar il-Papa se jqaddes fil-pubbliku u mmedjatament wara ‘l quddiesa jibda l-vjaġġ lura lejn il-Vatikan.