Il-Papa lill-Knisja fl-Ukrajna: “Jien qrib tagħkom”

Fi żjara li għamel fil-Bażilika ta’ Santa Sofia f’Ruma, fejn tiltaqa’ l-komunità tal-Kattoliċi Ukreni, il-Papa rringrazzjahom għall-ħidma tagħhom u assigurahom li jħossu qrib il-poplu tal-Ukrajna li bħalissa għaddej minn kunflitt serju ħafna.
F’din iż-żjara l-Papa ltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Kiev, Sviatoslav Shevchuk, u fakkar fi tliet personaġġi Ukreni kbar li għandhom iservu bħala mudell għalina: il-Kardinal Josyp Slipyi, l-Isqof Salesjan Stepan Czmil u l-Kardinal Lubomyr Husar li kien Arċisqof tal-Knisja Griega-Kattolika tal-Ukrajna.
Il-Papa daħal fejn hemm il-qabar tal-Isqof Czmil li ddeskrivih bħala “bniedem li lili għamilli ħafna ġid li meta kont għadni abbati fl-Arġentina kien jgħallimni nservi fil-quddiesa, naqra l-alfabett Ukren u minnu tgħallimt ukoll is-sbuħija tal-liturġija u xhieda ħajja ta’ kemm il-fidi għaddiet minn persekuzzjonijiet atei tul l-aħħar seklu”.
Il-Papa rrefera għall-kunflitt li hemm bħalissa fl-Ukrajna u t-tbatija li minnha qed jgħaddi l-poplu.
Hu qal “Jien qiegħed hawn illum biex ngħidilkom ilkoll li jien qrib tagħkom: qrib tagħkom f’qalbi, b’talbi u meta niċċelebra l-quddiesa”.
Mal-komunità tal-Kattoliċi Ukreni l-Papa Franġisku talab biex l-armi tal-gwerra jieqfu.
Lin-nisa preżenti għal din il-laqgħa il-Papa qalilhom: “intom prezzjużi u tressqu quddiem diversi familji Taljani l-proklamazzjoni tal-fidi tagħkom u ta’ Kristu”.
Il-Knisja Griega-Kattolika fl-Ukrajna hi l-aktar Knisja ppersegwitata fl-istorja moderna.
L-Arċisqof Sviatoslav Shevchuk, il-Kap ta’ din il-Knisja, l-akbar waħda mill-Knejjes tal-Lvant li huma leali lejn il-Papa, qal lill-Insara membri tal-Knisja tiegħu mxerrda madwar id-dinja li “l-għedewwa tagħna jistgħu jippruvaw iżda mhux se joqtlu din il-Knisja għax din hi parti mill-Ġisem ta’ Kristu u hu jista’ jqajjimha mill-ġdid”.