​Il-Papa lill-G20: “Agħtu prijorità assoluta lil min qed isofri”

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-mexxejja tal-G20 biex jagħtu “prijorità assoluta” lill-foqra, lir-refuġjati, u lil dawk li qed isofru jew huma esklużi.
Spjega li ma għandha ssir ebda distinzjoni ta’ razza, nazzjonalità, reliġjon jew kultura.
F’messaġġ li bagħat lill-mexxejja li qed jieħdu sehem fis-summit tal-G20 fil-Ġermanja, appella għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklussiv, u biex jingħata każ tal-bżonnijiet tal-pajjiżi foqra li mhumiex rappreżentati f’dawn it-taħdidiet.
Qal li dawn tal-aħħar huma dawk il-pajjiżi li l-iktar ibatu mill-effetti ta’ kriżijiet ekonomiċi fejn saħaq dwar l-importanza ta’ regoli finanzjarji u kummerċjali li jwasslu għal żvilupp integru tal-pajjiżi kollha.
Il-Papa sostna li dan kollu ma jkunx possibbli sakemm il-partijiet kollha ma jaqblux bejniethom biex irażżnu l-kunflitti u l-armamenti.
Għalaq b’appell speċjali għal diversi pajjiżi fosthom is-Sudan, il-Yemen u pajjiżi Afrikani oħra fejn qal li hemm mat-30 miljun persuna li jinsabu fil-periklu imminenti li jmutu bil-ġuħ.
Intant fil-laqgħa tal-G20, il-mexxejja dinjija qiegħdin jaħdmu fuq l-aħħar abbozz dwar il-bdil fil-klima.