Il-Papa lil-leġislaturi: Il-politiku Kristjan irid jagħti xiehda

Il-Papa Franġisku jilaqa' ma' membri tan-Network Internazzjonali ta' Leġislaturi Kattoliċi

Il-Papa Franġisku ltaqa’ man-Network Internazzjonali ta’ Leġislaturi Kattoliċi waqt id-disa’ laqgħa annwali tagħhom u qalilhom li l-pożizzjoni tagħhom bħala Kristjani b’awtorità hi li jagħmlu liġijiet bażati fuq it-tagħlim tal-Knisja biex jgħinu u jipproteġu lill-insara u minoritajiet reliġjużi oħra madwar id-dinja li huma persegwitati.

Il-Papa nsista li t-tema tal-libertà reliġjuża u tal-kuxjenza li hi fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet ta’ din il-laqgħa, hi tema kurrenti u fundamentali.

Hu fakkar lill-membrital-ICLN f’wieħed mill-aktar dokumenti mprotanti tal-Konċilju Vatikan II li kien pubbklikat fis-7 ta’ Diċembru 1965: id-Dikjarazzjoni “Dignitatis Humanae, liema document għadu rilevanti anke llum.

Il-Papa qal li dak iż-żmien min ħa sehem fil-Konċilju iddiskutew il-biża’ li kien hawn minn reġimi li bdew jisfurzaw liċ-ċittadin itagħhom biex ma jipprattikawx ir-reliġjon tagħhom u bdew jagħmlu l-ħajja tal-komunitajiet reliġjużi diffiċli u perikoluża minkejja li fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżhom kien hemm rikonoxximent għal-libertà reliġjuża.

Papa Franġisku tkellem dwar kif “Dignitatis Humanae” tista’ tkun applikata għall-persekuzzjonijiet reliġjużi li qed naraw illum u qal li sfortunatament, dan il-fenomenu għadu jeżisti f’numru ta’ pajjiżi. Anzi s-sitwazzjoni kompliet teħżien għall-insara u minoritajie treliġjużi oħra li jinsabu f’reġjuni milquta mill-fundamentaliżmu.

Insista dwar il-biża’ li wieħed jiġġieled il-fundamentaliżmu u l-intolleranza b’aktar fundamentaliżmu u ntolleranza. Il-libertà reliġjuża llum trid li b’mod konxju titratta ma’ żewġ ideoloġiji perikolużi: ir-relattiviżmu sekulari u r-radikaliżmu reliġjuż

Il-Qdusija Tiegħu qal lill-leġislaturi li għalkemm għandhom rwoli differenti fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, għandhom ħaġa komuni: ir-rieda tajba li jservu s-Saltna t’Alla b’impenn politiku onest.

Aktar milli jidher bħala eroj jew vittma, il-Politiku Nisrani huwa msejjaħ, l-ewwel u qabel kollox, bħal kull bniedem ieħor mgħammed, li jipprova jkun xhud, permezz tal-umiltà u l-kuraġġ – u b’mod konsistenti jipproponi liġijiet bażati fuq il-veduta nisranija tal-umanità u s-soċjetà, dejjem f’kollaborazzjoni ma’ dawk li jaqsmu l-istess ideat tiegħu.

In-Network Internazzjonali tal-Leġislaturi Kattoliċi hi għaqda ta’ leġislaturi, rappreżentanti tal-Gvern, esperti u awtoritajiet ċivili u politiċi. Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħhom ikollhom udjenza mal-Papa. Fil-laqgħa jippruvaw jilħqu u jxerrdu viżjoni unika ta’ temi bażati fuq it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ pajjiżhom.