Il-Papa: “Lejliet l-Ewwel tas-Sena hu żmien għal eżami tal-kuxjenza”

Il-Papa Franġisku qal li t-tmien ta’ kalendarju u l-bidu t’ieħor hu okkażjoni perfetta biex nirriflettu fuq kemm użajna l-ħin u r-rigali li tana Alla, u b’mod speċjali kemm għinna l-foqra.
Waqt servizz ta’ talb f’lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Basilika ta’ San Pietru, il-Mexxej tal-Knisja Kattolika qal li filwaqt li Alla hu etern, iż-żmien hu importanti anke għalih.
Sostna li Alla ried juri lilu nnnifsu u jsalvana; għalhekk sar bniedem bħalna biex jurina l-imħabba konkreta tiegħu.
Il-Papa żied jgħid ukoll li fi tmiem is-sena, il-Knisja tgħallem lill-membri tagħha jagħmlu eżami tal-kuxjenza sabiex jiftakru f’kulma għamlu, jirringrazzjaw lil Alla ta’ kulma għamel magħhom u ta’ kulma kapaċi jagħmlu.
Fl-istess waqt għandna wkoll niftakru fl-iżbalji u d-dnubijiet tagħna u nitolbu maħfra.