Is-Sibt 7 ta’ Settembru wara nofsinhar, wara laqgħa li kellu mal-Isqfijiet tal-Madagascar, Papa Franġisku żar u talab fuq il-qabar tal-Beata Victorie Rasoamanarivo, l-ewwel Beata mwielda fil-Madagascar.
Kif telaq mill-Kattidral ta’ Andohalo il-Papa sab jistennewħ tliet mexxejja reliġjużi mill-Knejjes Anglikani, Luterani u Protestanti. Wara ħa ritratt ma’ xi nies li kienu preżenti u ngħata ċavetta tal-belt ta’ Antananarivo mis-Sindku tal-belt u xi uffiċjali oħra u l-Papa tahom kuruna tar-rużarju kull wieħed.
Il-qabar ta’ din il-Beata jinsab quddiem il-Katidral, f’kappella tonda żgħira li fiha hemm biss artal sempliċi u Kurċifiss biex wieħed ikun jista’ joqgħod jitlob fil-ġabra.
Kif daħal f’din il-kappella, il-Papa waqaf jgħid talba fis-skiet u mbagħad bierek statwa tal-Beata.
Il-Beata Victoire Rasoamanarivo
Victoire twieldet f’Antananarivo fl-1848, f’waħda mill-aktar familji b’saħithom fil-pajjiż u ħadet l-edukazzjoni tagħha skont it-twemmin indiġenu tal-antenati tagħha. Meta fl-1861, xi Ġiżwiti Franċiżi waslu fil-Mozambique, iż-żgħażugħa daħlet fl-iskola tagħhom u fl-1863, tgħammdet.
Kienet imġiegħla tiżżewweġ lil uffiċjal għoli tal-armata li kien bniedem vjolenti ħafna. Iżda minkejja dan iżżewġet bis-sagrament u baqgħet miegħu sakemm aċċetta li jitgħammed hu wkoll.
Fl-1883 wara l-kunflitt bejn Franza u l-Madagascar, il-missjunarji Kattoliċi tkeċċew mill-pajjiżi u l-insara kienu akkużati bi tradiment. Madankollu, Victoria kompliet tħaddan il-fidi Kattolika. Hi pperseverat fit-talb u kienet responsabbli mill-moviment spiritwali Marjan “Catholic Union”.
Fl-1886 il-missjunarji rritornaw fil-Mozambique u Victoria ddedikat ħajjitha għal diversi kaitajiet b’ħidma għal dawk bla dar u l-lebbrużi. Fis-sena 1890 saħħitha bdiet sejra lura u mietet fil-21 ta’ Awwissu 1894 meta kien għad għandha biss 46 sena.
Beatifikata minn Ġwanni Pawlu II
Fit-30 ta’ April 1989, il-Papa San Ġwanni Pawlu II li kien qed iżur il-Madagascar, fil-Katidral ta’ Antananarivo, ipproklama lil Victoire Rasoamanarivo bħala l-ewwel Beata mwielda fil-Madagascar.
Għall-ewwel il-katavru tagħha kien tpoġġa fil-Musulew ta’ Rainiharo, li kien Prim Ministru tal-pajjiż u kien miet fl-1852. Fl-1961 il-fdalijiet tagħha ttieħdu fil-Knisja tal-Missjunarji f’Ambohipo u fl-aħħarnett fl-1992 kienu trasferiti għall-kappella fejn jinsabu llum fejn żar il-Papa Franġisku.