Il-Papa jwissi lill-Kardinali l-ġodda kontra l-għira u l-intriċċi

Kif kien diġà tħabbar, il-Papa Franġisku nhar il-Ħamis li għadda, laqqa’ Konċistorju biex fih ħatar 14-il kardinal ġdid filwaqt li wissa kontra “il-kilba għall-unuri, l-għira, l-intriċċi u l-kompromessi.”

Fid-diskors tiegħu lill-Kardinali l-ġodda, il-Papa fakkarhom fi kliem Kristu :“Min hu l-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.” Qal li l-mexxejja kollha tal-Knisja jridu jużaw l-influwenza tagħhom għall-ġid tal-oħrajn u mhux “biex infittxu l-interessi tagħna nfusna.”

“X’jiswiena li nirbħu d-dinja kollha jekk qed ngħixu f’atmosfera mxekkla bl-intrigi li jnixxfu qalbna u ma jħalluniex inwettqu l-missjoni tagħna?” staqsa l-Papa.

11 mill-kardinali l-ġodda għadhom jaqdu l-ministeru tagħhom, għandhom anqas minn 80 sena u allura huma eliġibbli li jivvutaw f’konklavi biex jinħatar Papa.

Wara l-Konċistorju, il-Kardinali l-ġodda għamlu żjara ta’ kortesija lill-Papa Emeritus Benedittu XVI.