Il-Papa jwissi lill-istudenti biex ma jsirux skjavi tal-mowbajls

Il-Papa jkellem studenti żgħażagħ mill-Viscont High School ta' Ruma

“Filwaqt li telefown qiegħed għall-konnessjoni, il-ħajja hi biex nikkomunikaw,” qal il-Papa Franġisku lil grupp ta’ studenti żgħażagħ entużjasti li ltaqa’ magħhom fi tmiem il-ġimgħa li għadda fis-Sala Pawlu VI tal-Vatikan.

Il-grupp kien magħmul minn studenti, ġuvintur u tfajliet tal-Visconti High School ta’ Ruma akkumpanjati minn ġenituri tagħhom u għalliema.

“Issirux vittmi tat-telefown ċellulari,” wissiehom il-Papa li qal li dawn huma għodda tajba u ta’ użu, kemm il-darba jintużaw tajjeb.

Il-Papa li ma kellux diskors preparat għal din il-laqgħa imma tkellem dwar diversi temi qal li l-mowbajls iservu biex nikkomunikaw ma’ xulxin u l-komunikazzjoni hi xi ħaġa sabiħa u tajba. Imma bħalissa hawn periklu kbir li nsiru vittmi li niddependu żżejjed fuqhom.  Kulħadd għandu jkun jaf kif juża telefown bħal dan “imma meta ssir skjav tal-mowbajl titlef il-libertà tiegħek.”

L-iskejjel għandhom jippromwovu l-kultura tal-laqgħa

Il-Papa Franġisku esprima l-fehma soda tiegħu li l-edukazzjoni hi dritt prezzjuż u l-iskejjel għandhom ikunu post li jġib ‘il quddiem u jippromvowi kultura ta’ inklużjoni u rispett għad-diversità.

L-iskejjel għandhom ikunu laboratorji li jantiċipaw u jippreparaw lill-istudenti għall-futur tal-kollettività.

“Tibżgħux mid-diversità. Id-djalogu bejn kulturi differenti jsaħħaħ il-pajjiż, jgħallimna inħarsu lejn il-futur fejn hemm post u dar għal kulħadd, mhux għal ftit biss”, qal il-Papa Franġisku kif rappurtat minn Vatican News.

Hu nnota li wara l-Konċilju Vatikan II, il-Knisja kkommettiet ruħha li tippromwovi l-valur universali tal-fraternità li hu bbażat fuq il-libertà, għat-tfittxija onesta tal-verità, għall-promozzjoni tal-ġustizzja u s-solidarajetà, speċjalment fir-rigward ta’ dawk li huma l-aktar dgħajfa fis-soċjeta.

“Jekk ma nfittxux dawn il-valuri, ma jistax ikun hemm koeżistenza vera u jien dispjaċut ħafna dwar dan,” ilmenta l-Papa.

Ibbuljar 

Il-Papa tkellem ukoll dwar is-saħta tal-ibbuljar li hi problema f’diversi skejjel. “Inweġġa’ nara dan il-ħafna bbuljar f’xi skejjel,” qal, filwaqt li stieden lill-istudenti biex jiġġieldu l-ibbuljar għax qal li dan il-fenomenu fih iż-żerriegħa tal-gwerer.

Fl-aħħar nett il-Papa stieden liż-żgħażagħ preżenti “biex ma jiqfux joħolmu kbir għal dinja aħjar għal kulħadd: tikkuntentawx ruħkom bil-medjokrità fir-relazzjonijiet tagħkom u fl-ippjanar tal-futur tagħkom, imma impenjaw ruħkom biex ikollna dinja aktar ġusta u aktar sabiħa.”

Il-Papa Franġisku fakkar liż-żgħażagħ li qegħdin fil-Ġimgħa l-Kbira li ssib il-qofol tagħha f’Ħadd il-Għid, bil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt li hu l-pedament tat-tama Nisranija: “Dan hu wkoll żmien għat-tiġdid tar-ruħ, żmien sabiħ,” filwaqt li stedinhom biex jafdaw f’Alla għax hu li jagħtina s-saħħa u l-kuraġġ niffaċċjaw id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-vjaġġ tagħna.