Il-Papa jwissi lill-Isqfijiet biex jaqdu dmirhom lejn il-miżżewġin f’diffikultà

Qabel telaq għall-Vjaġġ Appostoliku tiegħu lejn Myanmar u Bangladesh u fl-okkażżjoni tat-tieni anniversarju minn meta ħabbar ir-riforma permezz tal-Amoris Laetitia, il-Papa Franġisku, pubblikament akkuża lill-Isqfijiet li ma qdewx id-dmir li hu kien poġġa fuq spallejhom fejn jidħlu l-annulamenti taż-żwiġijiet. Mhux komuni li Papa jasal sa hawn.
Fl-2015 il-Papa Franġisku kien irriforma l-mod kif il-Knisja tħares lejn iż-żwieġ u l-familja u bidel ir-regoli għall-annullamenti li jingħataw minn Tribunal tal-Knisja meta jinstab li ż-żwieġ bħala sagrament ma kienx jeżisti għax kien hemm nieqsa xi waħda mill-kundizzjonijiet li jagħmluh validu.
It-tibdil tal-Papa kien maħsub biex il-proċess tal-annulament jindara aħjar u b’hekk aktar koppji li ż-żwieġ tagħhom tkisser jesploraw jekk hemmx lok li jkun hemm dikjarazzjoni ta’ annullament.  Element importanti ta’ dan it-tibdil kien li jitħaffef il-proċess f’każi fejn ħadd mill-konjuġi ma joġġezzjona għall-annulament u fejn  ikun hemm provi ċari. Il-Papa ried li f’dawn il-każi ikun l-Isqof djoċesan personalment li jiġġudika l-każ.
Is-Sibt tal-ġimgħa l-oħra, il-Papa Franġisku qal li sentejn wara dawn ir-riformi ma jidhirx li l-Isqfijiet qed jaqdu l-missjoni personali li fdalhom flok jiddelegaw kollox lit-Tribunali. Għalhekk hu wissa’: “Li tinvolvu ruħkom personalment m’hix għażla imma dover” u biex juri kemm verament jemmen f’dan żied jgħid li “dan qed ngħidu bħala Isqof ta’ Ruma u Suċċessur ta’ Pietru”.
Ma din it-twissija l-Papa ta ħames istruzzjonijiet oħra:

  • L-Isqof djoċesan, ex ufficio hu personalment hu unikament l-Imħallef f’dan il-proċess mgħaġġel;
  • Il-figura tal-Isqof Djoċesan bħala Mħallef hu l-prinċipju ewlieni ta’ dan il-proċess mgħaġġel;
  • Biex il-proċess mgħaġġel ikun validu hemm bżonn żewġ kundizzjonijiet essenzjali: li jkun hemm Isqof u dan ikun il-Kap tal-komunita’ djoċesana tal-insara.  Jekk xi waħda minn dawn tkun nieqsa ma jistax ikun hemm proċess mgħaġġel u l-każ ikun ġudikat bil-proċess normali;
  • Il-kompetenza esklussiva u personali tal-Isqof djoċean li hi fundamentali għall-proċess spedit tagħmel riferenza diretta għall-ekklesjoloġija tal-Konċilju Vatikan II li sostna li l-Isqof biss, bil-konsagrazzjoni tiegħu għandu poter sħiħ li jgħaġġel l-affarijiet skont il-missjoni kanonika; u
  • Il-proċess spedit mhux għażla li l-Isqof djoċesan jista’ jagħmel imma dover tiegħu permezz tal-konsagrazzjoni u mill-missjoni li ngħata.

“Ir-responsabbilta’ biex jingħata dan id-digriet hi dejjem u biss tal-Isqof djoċean. Din responsabbilta’ li l-Isqof ma jistax jaħrab minnha. Jekk il-proċess spedit jitħalla f’idejn it-Tribunal djoċesan dan jisfigura l-figura tal-Isqof Missier, Kap u Mħallef tal-insara fdata lilu u tirriduċih f’sempliċi persuna li tiffirma sentenza,” kompla jinsisti l-Papa.
Hu reġa’ seħaq fuq l-importanza li dan il-proċess mgħaġġel eqreb lejn dawk li jinħtieġuh u jkun assigurat li ma jkun hemm ebda ħlas. Dan hu x’għandu bżonn il-fqir flimkien mal-fatt li l-Knisja għandha tħobb lil kulħadd aktar minn kull ħaġa oħra.