Il-Papa jwissi dwar profeti foloz

Il-Knisja għandha bżonn profeti li mhux biss jistqarru l-verità mingħajr biża’ imma li jempatizzaw ukoll man-nies tagħhom li qed isofru. Profeta jrid dejjem ikun persuna li mhux biss “kapaċi jibki għall-poplu tiegħu imma jrid ikun kapaċi wkoll jirriskja biex jgħid il-verità", qal il-Papa Franġisku waqt omelija fil-kappella tiegħu.
“Il-Knisja għandha bżonn profeti. Mhux kritiċi, dawk ħaġ’oħra. Mod tkun ġudikant kritiku li ma jogħġbok xejn u ma jħobb xejn. Dak mhux profeta”.
Il-Papa fakkar li San Stiefnu kien l-ewwel martri tal-Knisja li kien imħaġġar sal-mewt għax ikkundanna lix-xjuħ u l-iskribi bħala “nies rashom iebsa li dejjem jopponu l-Ispirtu s-Santu”. Il-verità qatt ma hi komda u meta profeta jgħid il-verità, il-qlub jistgħu jew jinfetħu jew isiru aktar iebsa bħall-blat, irrabjati u jippersegwitaw”
Il-Papa nnota li Ġesù  wkoll kien iċanfar lin-nies, kultant bi kliem aħrax u sa wasal biex sejħilhom perversi u ġenerazzjoni ta’ adulteri, hu kien jibki wkoll għalihom kif għamel meta beka għal Ġerusalemm.
“Dan hu t-test”, qal il-Papa. “Profeta veru hu dak li kapaċi jibki għal niesu u jitkellem b’mod sod meta hu meħtieġ u jgħid il-verità. Mhux lagħqi, imma dejjem ikun dirett”. Madankollu, bħal San Stiefnu u martri oħra, profeta veru, jekk jagħmel xogħlu tajjeb, jirriskja ħajtu biex l-oħrajn isibu t-tama.
“J’Alla l-Knisja qatt ma tkun nieqsa mis-servizz tal-profezija biex nibqgħu mexjin 'l quddiem”, qal il-Papa.