Il-Papa jwissi dwar is-“sawm taparsi”

Il-Papa Franġisku fakkar lill-Insara biex matul ir-Randan jiċċaħdu minn xi ħaġa, imma dan jagħmluh biss jekk dan se jservi biex jgħin lil ħaddieħor. Huwa wissa kontra dak li hu sejjaħ “sawm taparsi”.
Meta Nisrani jsum irid ikun konsistenti u ma jagħmilx dan biex jidher, ma jmaqdarx lill-oħrajn u qatt ma jidħol fi kwestjonijiet u nuqqas ta’ ftehim. Għalhekk biex wieħed ma jaqax fl-inkonsistenza jrid jistaqsi lilu nnifsu kif iġib ruħu mal-oħrajn.
Is-sawm li jogħġob lil Alla hu dak li jeħles lil dawk li qed isofru inġustament u lil dawk li huma oppressi. Is-sawm hu importanti fir-Randan u “anke jekk wieħed ma jistax’ jagħmel sawma sħiħa li kważi tqabbdek il-ġuħ, wieħed xorta jista’ jsum b’mod anqas riġidu iżda konsistenti.
Il-Papa Franġisku kompla jispjega li s-sawm hu bħal meta wieħed donnu jneżża' lilu nnifsu mis-suppervja.
Li tirringrazzja 'l Alla u fl-istess waqt tidħak bl-impjegati tiegħek li jkollhom isumu għax m’għandhomx x’jieklu hi inkonsistenza u anti-Kristjana.
Hu stieden lil kulħadd jiex jagħmel penitenza fil-paċi għax wieħed ma’ jistax jitkellem m’Alla minn naħa u lix-xitan min-naħa l-oħra.
Wissa kontra t-tentazzjoni li niddandnu bis-sawm billi nagħmluha bi kbira li qed insumu biex nippruvaw nuru lin-nies li aħna Kattoliċi prattikanti u nagħmlu l-penitenza biex dawn jgħidu “kemm hu bniedem twajjeb”.  Dan hu qerq għax inkunu “qed nippretendu li aħna twajba”.
Il-Papa stieden lill-Insara biex isumu “biex jgħinu lill-oħrajn, imma jsumu dejjem bi tbissima”. Is-sawm jitlob minna wkoll li nitbaxxew billi nirriflettu fuq dnubietna u nitolbu maħfra lil Alla.
“Kemm ikollna għalfejn nistħu jekk dnubietna jkun jaf kulħadd bihom għax ikunu mxandra.
Jien naħseb f’ħafna sefturi li jagħmlu dan ix-xogħol biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom u li jkunu umiljati u disprezzati. Ma nistax ninsa meta darba, meta kont għadni tifel, mort f’dar ta’ ħabib tiegħi u nara omm issawwat seftura ta’ 81 sena…”
Hawnhekk il-Papa appella lill-Insara biex jistaqsu lilhom infushom jekk lill-ħaddiema domestiċi tagħhom jimxux magħhom b’ġustizzja u jekk jittrattawhomx bħala nies jew bħala skjavi, jekk jagħtuhomx ħlas ġust, jekk għandhomx vaganzi u jekk jagħrfux u jirrispettawx id-dinjità tagħhom.
Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jagħmlu penitenza, biex “iħossu ftit ġuħ”, biex jitolbu aktar matul ir-Randan u jistaqsu lilhom infushom kif jitrattaw lill-oħrajn.
“Ejjew nitolbu għall-grazzja tal-konsistenza. Jekk mhux kapaċi nagħmel xi ħaġa, ma nagħmilhiex. Nagħmel biss dak li naf u niflaħ nagħmel imma b’konsistenza ta’ veru Nisrani”.