Il-Papa mħasseb dwar Trump u Ġerusalemm

Papa Franġisku esprima t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump li jirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Hu qal li ma jistax jibqa’ sieket dwar is-sitwazzjoni li żviluppat f’dawn l-aħħar jiem u appella biex jinżamm u jkun rispettat l-Istatus quo kif stabbilit bid-diversi Riżoluzzjonijiet tal-Istati Uniti.
“Ġerusalemm hi belt unika, sagra għal-Lhud, il-Kristjani u l-Musulmani li jqimu l-postijiet sagri tar-reliġjonijiet rispettivi tagħhom u għandhom vokazzjoni speċjali għall-paċi.
Nitlob lil Alla biex din l-identità tkun ippreżervata u msaħħa għall-benefiċċju tal-Art Imqaddsa, il-Lvant Nofsani u d-dinja kollha, u li l-għerf u l-prudenza jirbħu biex ma jiżdidux elementi oħra ta’ tensjoni f’dinja diġà mheżża b’ħafna konflitti krudili”, qal il-Papa.
Il-President Amerikan Donald Trump ilbiraħtlula ħabbar li l-Istati Uniti qed tirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael u se tmexxi l-ambaxxata tagħha minn Tel Aviv għal hemmhekk. 
Għalkemm din il-mossa trid tieħu numru ta’ snin, Trump ordna biex dan il-proċess jinbeda.
Uffiċjal Amerikan qal: ‘Il-politika tal-Istati Uniti se tkun onesta dwar ir-realtà  li Ġerusalemm hi l-kapitali ta’ Iżrael. Din ilha l-kapitali tal-Lhud sa mill-qedem. Dan ma jista’jiċħdu ħadd.  Dan hu fatt.”.
L-istatus ta’ Ġerusalemm jibqa’ problema. 
Il-Palestinjani jsostnu li ma jistax ikun hemm paċi, jekk huma ma jkunux jistgħu jużaw il-Lvant tal-belt bħala l-kapitali tagħhom, iżda l-Iżraeljani jgħidu li l-belt kollha hi tagħhom. Kelliem għall-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, iddeskriva din il-mossa bħala waħda inaċettabbli u tkellem mal-Papa Franġisku dwar it-tħassib tiegħu.
Il-Mexxejja tal-Lega Għarbija, it-Turkija, l-Eġittu, il-Ħordna, l-Arabja Sawdija u l-Iraq appellaw lil Donald Trump biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu.