Il-Papa jwieġeb liż-żgħażagħ f’laqgħa bi preparazzjoni għas-Sinodu

F’laqgħa li kellu ma’ numru kbir ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja bi preparazzjoni għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ aktar tard din is-sena, il-Papa Franġisku wieġeb għal ħames domandi li sarulu u li jvarjaw mid-dinjita’ tal-mara għall-formazzjoni spiritwali. Dan hu l-ġist tad-djolgu taż-żgħażagħ ma’ Papa Franġisku.
 
Iż-Żgħażagħ kif jistgħu jgħinu lill-vittmi tat-traffikar uman?
Il-Papa deher emozzjonat b’din l-ewwel domanda. Hu rrefera għal xi stejjer li sama’ mingħand nisa li kienu traffikati dwar il-periklu li jiffaċċjaw meta jippruvaw jaħarbu minn dawk li jkunu ħatfuhom. Hu qa li dan l-abbuż u kultant anke tortura huwa l-“iskjavitu moderna”. Hu kkundanna l-esplojtazzjoni tan-nisa u kellu kliem iebes għal dawk il-kattoliċi li jħallsu għall-prostituzzjoni. “Dan hu delitt kontra l-umanita’”, qal.  Il-Papa Franġisku sejjaħ liż-żgħażagħ biex jiġġieldu għad-dinjita’ tal-mara u talab maħfra għal dawk il-kattoliċi kollha li jieħdu sehem f’dawn “l-atti kriminali”.
 
Fejn jista’ jirrikorri żagħżugħ meta jkollu bżonn gwida għall-għażliet ta’ ħajtu?
Il-Papa Franġisku b’risposta lil żagħżugġ Franċiż qal li wieħed għandu jdur fuq dak li għaref irrispettivament hux xiħ jew żagħżugħ. “Il-bniedem għaref ma jibża’ minn xejn, iżda li jaf jisma u għandu d-don mogħti minn Alla li jgħid is-sewwa fl-aħjar żmien”. Huwa wissa’ li meta ż-żgħażagħ ma jgħaddux mit-triq tad-dixxerniment, ikunu qed jirriskjaw li jingħalqu fihom infushom. Dan ikun bħal kanċer li jieklok minn ġewwa u jispiċċa jeħdilhom il-liberta’ tagħhom u jirbaħhom.
 
Kif nistgħu ngħallmu liż-żgħażagħ jinfetħu għall-oħrajn?
Il-Papa qal li l-edukazzjoni għandha tgħallem tliet lingwi bażiċi: il-lingwa tal-moħħ, tal-qalb u tal-idejn. Il-lingwa tal-moħħ ifisser li taħseb sew u titgħallem affarijiet konkreti. Il-lingwa tal-qalb tfisser tifhem is-sentiment u dak li jħoss ħaddieħor. Il-lingwa tal-idejn hi li tagħmel użu mir-rigali li tagħna Alla biex joħolqu l-affarijiet. Iċ-ċavetta hi li nużaw dawn it-tliet lingwi flimkien.  Il-Papa Franġisku kkritika dak li hu sejjaħ “in-natura iżolatriċi” tad-dinja diġitali u virtwali tal-lum. Flok ma niddemonizzaw it-teknoloġija, il-Papa qal li din hi rikkezza li rridu nużaw tajjeb u “b’konkretezza li ġġibilna l-ħelsien”.
 
 
Żgħaħugħ li qed jipprepara għas-saċerdozju kif għandu jwieġeb għal kumplessitajiet tal-kultura tal-lum – bħalma huma t-tatoo, per eżempju?
Il-Papa ħa spunt minn din id-domanda ta’ seminarista Ukren biex jirrifletti fuq il-figura tas-saċerdot bħala “xhud ta’ Kristu”. Il-klerikaliżmu hu fost l-akbar mardiet tal-Knisja għax jikkonfondi “ir-rwol patern tas-saċerdot mar-rwol ta’ manager tal-kap”  Hu tkellem dwar ir-relazzjoni bejn is-saċerdot u l-komunita’ u kif din ir-relazzjoni tkun kompromessa u titfarrak bi’zekzik”. Dwar it-tatoos, il-Papa Franġisku fakkar kif kulturi differenti użawhom biex jiddistingwu u jidentifikaw lilhom infushom.  U allura “tibżax mit-tatoos, iżda tesaġerax anqas. Jekk xejn uża t-tattoo bħala spunt biex tibda djalogu dwar is-sinjifikat tiegħu.
 
Kif jistgħu tfajliet reliġjużi jibbilanċjaw il-kultura dominant tas-soċjeta’ u l-ħajja spiritwali biex jaqdu l-missjoni tagħhom?
Il-Papa wieġeb għal din il-mistoqsija finali billi qal li formazzjoni adegwata tul il-ħajja reliġjuża trid tkun mibnija fuq erba’ pilastri: formazzjoni intelletwali, komunitarja, appostolika u spiritwali.  Li jkollok biss formazzjoni spiritwali twassal għal immaturita’ psikoloġika. Anke jekk din spiss issir biex tipproteġi lil reliġjużi żgħażagħ mid-dinja, il-Papa qal li din mhux protezzjoni imma “deformazzjoni”.  Dawk li ma ħadux formazzjoni affettiva huma dawk li spiċċaw jagħmlu l-ħażin. Li nagħtu ċans lin-nies jimmaturaw affettivament hi l-uniku mod kif nipproteġu lil dawn in-nies.