Il-Papa juri l-orrur ta’ gwerra nukleari

Lejlet l-aħħar tas-sena, f’mossa mhux tas-soltu, il-Papa Franġisku ordna lill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan biex jistampa u jqassam kopji ta’ ritratt framuż li kien ittieħed wara li splodiet il-bomba nukleari fuq Nagasaki.
Ir-ritratt juri tifel ta madwar 10 snin, iġorr il-katavru ta’ ħuh biex jieħdu għall-kremazzjoni.
Fuq wara tar-ritratt il-Papa kiteb “il-Frott tal-Gwerra” u poġġa  l-firma tiegħu. Taħt il-firma l-Papa sġjega li dak ir-ritratt kien ittieħed minn fotografu tal-Marines Amerikani li kien intbagħat f’Hiroshima u Nagasaki wara li ntefgħu fuqhom bombi nukleari li ħallew diżastru sħiħ.
“Id-dwejjaq tat-tifel hu espress bix-xuftejn marsusa, migduma u bid-demm ħiereġ minnhom”, kiteb il-Papa. 
L-Osservatore Romano stampa kopja tar-ritratt bl-ispejgazzjoni tal-Papa, fl-edizzjoni tal-1 ta’ Jannar – Jum il-Paċi.
Il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-ritratt hi mod ieħor kif il-Papa esprima t-tħassib kontinwu tiegħu dwar it-theddida ta’ gwerra nukleari hekk kif il-President tal-Korea ta’ Fuq, Kin Jong-un, fl-indirizz tiegħu tal-bidu tas-sena, wissa li l-buttuna tal-bomba nukleari qiegħda fuq l-iskrivanija tiegħu u lesta biex tintuża jekk pajjiżu jkun mhedded, għalkemm qal li lest għal diskussjonijiet mal-Korea t’Isfel.
Wara sena ta’ tensjoni internazzjonali dwar il-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq, f’Novembru li għadda l-Papa Franġisku wissa li l-armi nukleari joħolqu “sens falz ta’ sigurtà” u jfaqqsu “mentalità ta biża'” li taffettwa lid-dinja u lir-razza umana kollha.
Franġisku kkundanna l-eskalazzjoni tat-tiġrija għall-armi u l-prezz biex ikunu mmodernizzati u żviluppati armamenti ġodda, u qal li b’riżultat ta’ dan, il-prijoritajiet veri bħalma huma l-ġlieda kontra l-faqar, il-promozzjoni tal-paċi, proġetti favur is-saħħa u oħrajn edukattivi u ekoloġiċi, kif ukoll l-iżvilupp tad-drittijiet umani, qed ikunu rrelegati għat-tieni post.
F’diskors li għamel lil parteċipanti ta’ simpożju internazzjonali dwar “Prospetti għal Dinja Ħielsa minn Armi Nukleari u Diżarm Integrali”, il-Papa Franġisku qal: “Ma nistgħux ma nkunux ġenwinament imħassba mill-effetti umanitarji u ambjentali katastrofiċi, jekk jintużaw xi tip ta’ armi nukleari”.