Il-Papa jsellem lill-Perù

Il-Papa Franġisku telaq mill-Perù, fejn għadda l-aħħar tliet ijiem tal-Vjaġġ Appostoliku tiegħu, wara ċerimonja qasira li saret fl-ajruport u li matulha kellu laqgħa qasira mal-President il-ġdid tal-pajjiż u martu.
Fl-aħħar tislima li ta lill-Peruvjan, il-Papa appella lill-poplu biex “jipproteġi t-tama tiegħu” u rringrazzja lil dawk kollha li għamlu ż-żjara tiegħu possibbli.
Il-Papa qal li beda l-vjaġġ tiegħu f’dan il-pajjiż billi sejjaħ lill-Perà bħala art ta’ tama.
Art ta’ tama minħabba l-bijodiversità u s-sbuħija tal-pajsaġġ li jgħinuna nagħrfu l-preżenza t’Alla fostna.
Art ta’ tama minħabba t-tradizzjonijiet kbar u l-użanzi li sawwru r-ruħ ta’ dan il-poplu.
Art ta’ tama għaż-żgħażagħ li mhumiex il-futur iżda l-preżent tal-Pera.
 Hu ħeġġeġ lill-poplu biex “fl-għerf tan-nanniet u x-xjuħ tagħhom jiskopru d-DNA li mexxa l-qaddisin kbar li ħarġu minn dan il-pajjiż” u appellalu biex ma jabbandunax u ma jitlifx l-għeruq tiegħu. “Tibżgħux tkunu l-qaddisin tas-Seklu 21”.
Il-Papa stieden lin-nies biex jipproteġu t-tama tagħhom.
“M’hemmx mod aħjar kif tipproteġu t-tama milli tibqgħu magħquda biex ir-raġunijiet għat-tama jikbru jum wara l-ieħor f’qalbkom”.
Il-Papa Franġisku mar il-Perù wara tliet ijiem fiċ-Ċili fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet. 
Hu kien mistenni jasal Ruma għall-ħabta tas-2.15pm.