Il-Papa jsejjaħ biex nhar l-Erbgħa d-dinja tingħaqad titlob il-Missierna

Pope Francis delivers the weekly Angelus prayer via video at the Vatican
Pope Francis delivers the weekly Angelus prayer via video at the Vatican, March 15, 2020. Vatican Media/­Handout via REUTERS

Read in English.

Nhar il-Ħadd matul l-Anġelus, il-Papa Franġisku talab lill-Insara kollha biex jingħaqdu fit-talb kontra l-pandemija tal-Covid-19.

Nhar il-Ħadd li għadda, il-Papa talab lill-Insara kollha biex jingħaqdu flimkien fit-talb hekk kif id-dinja kollha qed tiffaċċja din il-pandemija globali, fejn qal li jispera li “l-universalità tat-talb, il-kompassjoni u l-ħlewwa”, għandhom jgħinu biex jgħaqqdu lil kulħadd f’dan iż-żmien tant diffiċli. “Ejjew naħdmu biex nibqgħu magħquda. Ejjew noffru din l-għaqda tagħna għal dawk kollha li qed iħossuhom l-aktar waħedhom u għajjiena,” kompla jgħid.

“F’dawn il-ġranet ta’ prova, hekk kif l-umanità tinsab imbeżża’ quddiem din il-pandemija, nixtieq nipproponi li l-Insara kollha flimkien ngħollu leħinna lejn is-Sema.” Il-Papa qal dan il-kliem wara l-Anġelus tradizzjonali, fejn għal darb’oħra reġa’ fakkar lill-Insara kollha biex jiftakru li fit-talb hemm is-saħħa.

Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Marzu hija l-festa tat-Tħabbir tat-twelid ta’ Ġesù. Il-Papa stieden lill-“Kapijiet tal-Knisja u l-mexxejja ta’ kull komunità Nisranija, flimkien mal-Insara kollha, itolbu lil Alla li jista’ kollox, ejjew ngħidu lkoll flimkien fl-istess ħin it-talba li għallimna Ġesù stess” – il-Missierna. “Dakinhar meta ħafna Nsara jiftakru t-Tħabbira tal-Anġlu Gabrijel lil Ommna Marija,” talab il-Papa Franġisku, “nitolbu li Alla l-Missier jisma’ t-talba magħquda tad-dixxipli Tiegħu kollha, li qed iħejju ruħhom biex jiċċelebraw ir-rebħa ta’ Ġesù Kristu fuq il-Mewt.”

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu, il-Papa se jmexxi t-talb fuq is-sagrato tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-pjattaforma fil-quċċata tat-taraġ quddiem il-Knisja. “Nistieden lil kulħadd biex jipparteċipa fl-ispirtu permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni,” kompla jgħid.

Wara l-qari mill-Iskrittura u talb, se jkun hemm l-adorazzjoni tas-Sagrament Imqaddes. Din ox-xandira se tikkonkludi meta l-Papa jagħti l-Barka Urbi et Orbi, u dawk kollha li jsegwuha direttament permezz tal-kanali varji ta’ komunikazzjoni jistgħu jirbħu indulġenza plenarja. Din il-Barka s-soltu tingħata biss fil-Milied u fl-Għid.

Din se tkun imxandra direttament mill-Vatikan nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu fis-6:00 ta’ filgħaxija.

Fi tmiem it-talba tiegħu, il-Papa wera s-solidarjetà tiegħu mal-Kroazja, wara li terrimot qawwi laqat lill-pajjiż nhar il-Ħadd filgħodu. Il-Papa talab, “Nitlob li l-Mulej Irxoxt jagħtihom is-saħħa u s-solidarjetà quddiem din il-kalamità “.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn