Il-Papa jsejjaħ Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet

Il-Papa Franġisku sejjaħ rappreżentanza tal-Isqfijiet tad-dinja biex is-sena d-dieħla jiddiskutu flimkien kwistjonijiet, li l-Knisja tħoss li għandhom jiġu trattati minnufih.

L-Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet se ssir fil-Vatikan bejn il-5 u d-19 ta’ Ottubru 2014.

It-tema tal-Assemblea tal-Isqfijiet se tkun dwar l-isfidi pastorali li l-familja tiltaqa’ fl-evanġelizzazzjoni.

Il-Kelliem għas-Santa Sede Patri Federico Lombardi qal li permezz ta’ din il-laqgħa mal-Isqfijiet, il-Papa Franġisku bi ħsiebu jkompli r-riflessjoni u jara l-bżonnijiet tal-komunitajiet differenti fi ħdan il-Knisja.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, anke l-Knisja f’Malta ddiskutiet ir-realtajiet u l-isfidi tal-familja waqt l-Assemblea Djoċesana 2013.

Din hi t-tielet Assemblea Ġenerali tal-Isqfijiet hekk kif l-ewwel waħda saret fl-1969 minn Papa Pawlu VI u ffukat dwar il-Konferenzi Episkopali u l-kulleġġ tal-Isqfijiet.

Fl-1985 Papa Ġwanni Pawlu II mexxa t-tieni Assemblea li kienet dwar kif se jitwettaq id-dokument tal-Konċilju tal-Vatikan II.