“Ejjew nibdlu l-biża’ f’karità”

"Il-Milied hu żmien  fejn il-qawwa tal-biża' nibdluha f’qawwa ta’ karità", qal il-Papa Franġisku fl-omelija fil-quddiesa tal-Lejl tal-Milied li minnha wieħed jista’ jiġbed diversi riflessjonijiet li għamel il-mexxej tal-Knisja Kattolika.
F’dan il-każ, il-Papa qabbel lir-refuġjati li qed jaħarbu mill-gwerer mal-Familja Mqaddsa fi żmien it-twelid ta’ Kristu.
“Qegħdin naraw it-traċċi ta’ familji sħaħ li jkollhom jaħarbu minn arthom u minn djarhom. Qed naraw miljuni ta’ persuni li ma jixtiqux jitilqu minn arthom u jħallu warajhom lill-għeżież tagħhom. Ħafna drabi dan it-tluq ikun mimli tama, tama għal futur aħjar; imma għal ħafna oħrajn dan it-tluq għandu tifsira waħda: li jsalvaw”.
“Isalvaw mill-Erodijiet tal-lum li biex jimponu s-saħħa tagħhom u jkomplu jistagħnew, m'għandhom ebda problema li jxerrdu demm innoċenti.  Marija u Ġużeppi, li għalihom ma kienx hemm kamra kienu l-ewwel nies li laqgħu lil dak li ġie biex jagħti lil kull wieħed minnha iċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza tagħna”.
Il-Papa enfasizza l-ħtieġa li nilqgħu fostna lill-barrani.  “Il-fidi tagħna llejla tgħinna naraw lil Alla preżenti f’dawk is-sitwazzjoni kollha fejn naħsbu li hu assenti.
Hu preżenti fil-viżitatur mhux milqugħ li jgħaddi mit-toroq tal-ibliet tagħna, jirkeb magħna fuq il-karrozzi tal-linja u jħabbat fuq il-bibien ta’ djarna.
Din l-istess fidi tridna nagħmlu spazju għal dimensjoni soċjali ġdida u ma nibżgħux nesperjenzaw forom ġodda ta’ relazzjonijiet fejn ħadd ma jħossu li ma hemmx post għalih fid-dinja."
“Il-Milied hu żmien fejn nibdlu l-biża' f’karità.
Karità li ma taċċettax l-inġustizzja bħala xi ħaġa naturali, imma karità li minkejja t-tensjonijiet u l-kunflitti ssib il-kuraġġ li tagħmel lilha nfisha art ospitabbli”.