Il-Papa jrid iżur is-Sudan t’Isfel

Il-Komunita ta' San Egidio f'laqgha mal-Papa Fangisku

Għalkemm is-Sudan t’Isfel bħalissa hu fost l-aktar pajjiżi fid-dinja mifnija bil-vjolenza, il-Papa Franġisku ilu jgħid li jrid iżur dan il-pajjiż malli l-kundizzjonijiet ikunu jippermettu li ssir din iż-żjara.

It-taħditiet għall-paċi f’dan il-pajjiż li hu fost l-aħħar li kisbu l-indipendenza, komplew il-ġimgħa li għaddiet taħt l-awspiċi tal-Komunità ta’ Sant’Egidio. Mauro Garofalo, Kap tar-Relazzjonijiet Internazzjonali ta’ din il-Komunità li hi ħafna għal qalb il-Papa Franġisku u li kien preżenti għal dawn it-taħditiet, qal li għalkemm ma hemmx data ffissata għal din iż-żjara tal-Papa, ir-rieda tal-Papa li jżur il-pajjiż hi soda.

Il-Papa qed isegwi mill-qrib it-taħditiet għall-paċi u kif ikun possibbli, jagħmel din iż-żjara.

Taħditiet għall-Paċi

Garofalo qal dan lill-ġurnalisti fi tmiem sensiela oħra ta’ taħditiet għall-paċi fis-Sudan t’Isfel li fihom ħadu sehem membri ta’ Kumitat imqabbad biex jimplimenta ftehim li kien intlaħaq bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni f’Ottubru tas-sena li għaddiet.

Tmien snin ilu, is-Sudan t’Isfel sar l-aktar pajjiż “ġdid” fid-dinja wara li ħa l-indipendenza wara għexieren ta’ snin. Kien hemm tamiet sbieħ għall-futur ta’ dan il-pajjiż.

Iżda dawn it-tamiet ma damux għax fl-2013 faqqgħet gwerra ċivili li sal-lum ħasdet il-ħajja ta’ madwar 400,000 persuna, madwar 4 miljun persuna spiċċaw bla dar u kien hemm aktar minn żewġ miljun persuna li kellhom jitilqu mill-pajjiż ifittxu s-siġurtà u li jkollhom x’jieklu.

Kien hemm diversi tentattivi biex ikun hemm il-paċi fir-reġjun. Wara li f’Settembru 2018 kien iffirmat Ftehim ta’ Paċi f’laqgħa fl-Etijopja, id-djalogu bejn iż-żewġ naħat fil-kunflitt kellu moment deċiżiv waqt irtir organizzat mill-Papa Franġisku fil-Vatikan f’April li għadda.

Dak l-irtir laqqa’ lill-mexxejja tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni tas-Sudan t’Isfel.

Fittxu dak li jgħaqqadkom

Dakinhar, il-Papa Franġisku kien ħeġġeġ lill-mexxejja tal-pajjiż biex ifittxu u jsibu “affarijiet komuni li jgħaqqduhom, fosthom il-fatt li intom poplu wieħed”.

Il-Papa Franġisku kien qal lil dawn il-mexxejja li l-ħarsa t’Alla u tal-poplu tagħhom kienet fuqhom. Dik il-ħarsa “tesprimi x-xewqa qawwija għall-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi.  In-nies huma mifnija fil-kunflitti tal-passat. Ftakru li bil-gwerra kollox jintilef”, kien qalilhom il-Papa.

Din il-ġimgħa, f’Ruma komplew aktar taħditiet taħt l-awspiċi tal-Komunità ta’ Sant’Egidio. Fi tmiem dawn il-laqgħat, il-Viċi President tal-Kumitat Nazzjonali Tranżitorju tas-Sudan t’Isfel, irringrazzja lill-Komunità ta’ Sant’Egidio li organizzat dawn il-jiem ta’ riflessjoni u djalogu dwar il-futur tal-pajjiż li għadu maqsum u bil-ġlied.

Hu ddeskriva din il-laqgħa bħala “opportunità importanti li għenitna naħdmu flimkien għall-paċi bejn forzi politiċi differenti biex nagħmlu possibbli dak li jidher impossibbli.”