Il-Papa jqerr għall-Milied

“Hemm żbalji fil-ħajja li jsiru mill-kleru: dnubiet, inġustizzji jew trattament ħażin ta’ xi nies. Aħna wkoll xi kultant inkunu newtiċi. Aħfrulna ta’ kemm-il darba tajniekom eżempji ħżiena,” talab il-Papa Franġisku.
F'laqgħa mal-ħaddiema kollha tal-Vatikan flimkien mal-familjari tagħhom, il-Papa talab skuża lil dawk kollha preżenti għax jemmen li l-knisja, u hu stess, mhux dejjem taw eżempji tajba.
Waqt din il-laqgħa li l-Papa beda lura fl-2014, u issa saret tradizzjoni, wassal il-messaġġ tal-Milied filwaqt li rringrazzjhom tax-xogħol siewi li jgħamlu fil-Vatikan.

Huwa kompla jitkellem dwar l-importanza tal-qrar fejn qal li hu stess kien għadu kif mar iqerr, u l-qrara għamlitlu ħafna ġid. Hawnhekk stieden lil dawk kollha preżenti biex ma jibżaw qatt jistaqsu għall-maħfra u jmorru għal-qrar bi ħgarhom u ta’ spiss.
Huwa tkellem ukoll dwar kif jixtieq li fil-Vatikan ma jkunx hemm iktar xogħlijiet li ma jiġux rikonoxxuti uffiċjalment, speċjalment fejn jidħol xogħol temporanju. Minħabba f’hekk talab li jsir tibdil fil-liġi tal-Vatikan li tħalli persuni jiġu impjegati temporanjament sakemm ikunu għadhom fil-perjodu ta’ prova.
“Għandna bżonn naħdmu biex ma jkun hawn l-ebda xogħol jew ħaddiema bil-prekarjat fil-Vatikan,” kompla jgħid. Huwa sostna li bħala knisja ma’ tistax tipriedka messaġġi favur is-soċjeta u d-drittijiet tal-bniedem imbagħad taġixxi b’mod inġust mall-ħaddiema tagħha.
Hu u miexi lejn is-Sala Paul VI fil-Vatikan, il-Papa Franġisku bierek u ħaddan miegħu bosta tfal li kienu preżenti. Ħafna minn dawn it-tfal tawh ukoll xi ittri u rigali għal għeluq sninu li ċċelebra fis-17 ta’ Diċembru.