Il-Papa jqarar priġunieri żgħażagħ

Il-ħabs fil-Panama fejn Papa Franġisku mar iqaddes u jqarar lill-priġunieri

Fil-ħabs ta’ Las Grazas de Pacora li jinsab madwar 25 mil ‘il bogħod miċ-ċentru ta’ Panama City fejn qed isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, hemm 144 priġunier żgħażugħ li ma jistgħux ikunu mal-mijiet ta’ eluf oħra billi huma msakkra minħabba delitti li wettqu, inkluż qtil.

Għalhekk, minflok marru huma fejn qed ikun il-Papa, mar hu stess iżurhom fiċ-ċentru ta’ detenzjoni fejn qed jinżammu.

F’laqgħa li damet ftit aktar minn siegħa, il-Papa Franġisku qaddes quddiesa penitenzjali speċjali għal dawn il-priġunieri, talab magħhom, għaddielhom messaġġ ta’ paċi u rikonċiljazzjoni u saħansitra sab ħin biex iqarar lil xi wħud minnhom, fosthom wieħed  ta’ 16-il sena li nstab ħati li qatel żewġ persuni.

“Għalija jkun biżżejjed li niltaqa’ mal-Papa, nitolbu jberikni u nitolbu jagħtini ċans ieħor” qal il-priġunier żagħżugħ.

L-Arċisqof tal-Panama, Mons. Jose Domingo Ulloa li akkumpanja lill-Papa fiż-żjara fil-ħabs qal li l-Papa sema’ lil dawn id-detenuti żgħażagħ u wasslilhom messaġġ ta’ tama u kuraġġ li kien ilhom ħafna biex jisimgħu.

Hu magħruf li l-Papa Franġisku, fil-vjaġġi tiegħu kważi dejjem isib il-ħin biex iżur xi ħabs għax jemmen li anke dawk fl-anqas livelli tas-soċjetà għandhom id-dinjità tagħhom u għandhom bżonn l-għajnuna.

Fiż-żjarat tiegħu fil-ħabsijiet il-Papa dejjem jippriedka t-tama u jfakkar lill-priġunieri li kulħadd, anke hu, huwa midneb. Il-Papa Franġisku spiss jikkritika n-nuqqasijiet li jeżistu fil-ħabsijiet, partikolarment l-iffullar żejjed u n-nuqqas ta’ sforzi għar-riabilitazzjoni tal-priġunieri.

Iżda din kienet l-ewwel żjara f’ħabs fejn il-Papa anke qarar lill-priġunieri. Inċidentalment il-qrar sar f’wieħed minn aktar minn 100 konfessjonarju li dawn il-priġunieri ħadmu u pproduċew biex jintużaw għall-qrar tal-eluf ta’ żgħażagħ li qed jattendu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.