Il-Papa jqabbel uħud mill-kampijiet tar-refuġjati mal-kampijiet ta’ konċentrament

Il-Papa Franġisku qal li wħud mill-kampijiet tar-refuġjati huma bħal kampijiet ta’ konċentrament fejn il-ftehim internazzjonali qishom aktar importanti mid-drittijiet umani.
Huwa qal dan waqt li warrab id-diskors preparat waqt Liturġija tal-Kelma li saret fil-Knisja ta’ San Bartilmew fuq it-Tiber, santwarju għall-martri ta’ żminna.
Matul l-omelija tiegħu, il-Papa sellem lill-martri taż-żminna li ddeskrivihom bħala “d-demm ħaj tal-Knisja.”
Huwa qal li jinsab viċin il-komunitajiet Insara li qed ikunu ppersegwitati.
Il-Papa qal li fi żminijiet diffiċli tal-istorja kemm-il darba jingħad li “illum pajjiżna għandu bżonn eroj.”
Bl-istess raġunament il-Papa staqsa x’għandha bżonn il-Knisja llum. Għal din id-domanda wieġeb hu stess: 
“Martri, xhieda, qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum,” qal il-Papa. “Għandna wkoll bżonn ta’ dawk li għandhom il-kuraġġ li jaċċettaw il-grazzja tax-xhieda, sal-aħħar, sal-mewt.”
Il-Papa kompla jiddeskrivi l-martri bħala x-xhieda li jmexxu l-Knisja ‘il quddiem u li b’għemilhom jagħtu xhieda li Ġesù hu qam, huwa ħaj.