Il-Papa jqabbel l-abort ma’ kiri ta’ assassin

L-abort qisek qed tikri assassin biex joqtol lil xi ħadd, sostna l-Papa Franġisku

L-abort hu mod kif “teħles minn xi ħadd” u dan jixbaħ is-sevizz ta’ “assassin imħallas”. Din id-dikjarazzjoni iebsa għamilha l-Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa.

Il-Papa tkellem fuq il-ħames Kmandament “La Toqtolx”. Hu qal li ‘dak’ jew ‘dik’ li xi ħadd iqis bħala problema, fil-verità hu jew hi rigal ta’ Alla, li kapaċi jeħlisni mill-egoċentirżmu tiegħi u jgħini nikber fl-imħabba.

Hu kkundanna bil-qawwa kollha “it-twaqqif tal-ħajja fil-ġuf tal-omm biex suppost inħarsu d-drittijiet ta’ oħrajn”.

“Kif jista’ att li jneħħi ħajja innoċenti u bla difiża li għadha fil-bidu tagħha jitqies bħala att terapewtiku, ċivili jew  uman? Jien nistaqsi lilkom: Sewwa li toqtol ħajja umana biex issolvi problema?”

“Wieħed ma jistax, mhux sewwa li tneħħi uman, anke jekk żgħir, biex issolvi problema,” kompla jinsisti Papa Franġisku.

“Tkun qed tikri assassin biex issolvi problema” enfasizza l-Papa filwaqt li nsista biex ma noqgħodux nilgħabu bid-diskors. L-interruzzjoni tat-tqala tfisser toqtol lil xi ħadd direttament”.

Fir-riflessjonijiet tiegħu l-Papa qal li l-idoli ta’ din id-dinja – il-flus, il-poter, is-suċċess – spiss iwasslu lill-bniedem biex “jarmi l-ħajja”.

L-uniku kejl veru tal-ħajja, sostna l-Papa “hi l-imħabba, l-imħabba li biha jħobbha Alla! L-imħabba li biha Alla jħobb il-ħajja… L-imħabba li biha Alla jħobb lil kull persuna umana.”