Il-Papa jordna li d-Diplomatiċi tal-Vatikan jagħmlu sena fil-missjoni

Il-Papa jrid li d-diplomatiċi tal-Vatikan jagħmlu esperjenza missjunarja.

Il-Papa Franġisku ordna li mis-sena akkademika li jmiss tal-Akkademja Ekklesjastika Pontifiċja, li tipprepara lil dawk li jridu jidħlu fis-servizz diplomatiku tal-Vatikan, fil-kurrikulu tagħha jkollha li l-kandidati jridu jagħmlu sena l-missjoni.

F’ittra li bagħat lill-Arċisqof Joseph Marino, President tal-Akkademja, il-Papa qal li din is-sena fil-missjoni għandha sservi lill-kandidati biex jiffurmaw żelu apostoliku biex imorru f’territorji l-barra mid-djoċesi fejn twieldu.

Il-Papa qal li fi tmiem is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Amazonja hu kien esprima x-xewqa li l-qassisin li qed iħejju biex jidħlu fis-servizz diplomatiku tal-Vatikan jiddedikaw sena mill-formazzjoni tagħhom għal impenn missjunarju fi djoċesi.

Esperjenza utli

“Jien konvint li din l-esperjenza tkun utli għal kull żagħżugħ li qed jipprepara għas-saċerdozju u b’mod partikolari għal dawk li għad ikunu msjeħa biex jikkollaboraw ma’ rappreżentanti pontifiċji u li aktar tard jintbagħtu mis-Santa Sede iservu f’pajjiżi u Knejjes partikolari.

Fl-istess ittra l-Papa ndirizza lid-diplomatiċi tal-futur u nsista li “il-missjoni li intom xi darba se tkunu msejħa biex taqdu tista’ teħodkom fil-partijiet kollha tad-dinja. Fl-Ewropa – li għandha bżonn tqum; fl-Afrika – għatxana għar-rikonċiljazzjoni; fl-Amerika Latina – bil-ġuħ għall-interjorità; fl-Istati Uniti, li trid tiskopri mill-ġdid l-għeruq ta’ identità; fl-Asja u l-Oċeanja – sfidati mid-djaspora u d-djalogu fil-firxa tal-ħafna kulturi.”

“Biex tindirizzaw dawn l-isfidi tal-Knisja u tad-dinja li dejjem qed jikbru, hu meħtieġ li d-diplomatiċi tal-futur, barra min formazzjoni saċerdotali u pastorali sodi u dak li toffrilhom l-akkademja, jagħmlu esperjenza missjunarja personali barra mid-djoċesi nativa tagħhom biex jaqsmu mal-Knejjes missjunarji perjodu li fih jimxu flimkien mal-komunità u jieħdu sehem fl-attività ta’ evanġeliżazzjoni tagħhom, kuljum.

“Għalhekk qed nitlobkom twettqu x-xewqa tiegħi biex issaħħu l-kurrikulu tal-formazzjoni akkademika b’sena dedikata kollha kemm hi għal servizz missjunarju fi Knejjeas partikolari madwar id-dinja.  Din l-esperjenza ġdida għandha tidħol fis-seħħ  mill-istudenti li se jindħlu biex jibdew il-formazzjoni tagħhom fis-sena akkademika 2020/2021.

Kollaborazzjoni mill-qrib

“Biex dan il-proġett nelaborawh b’mod aktar profond u nibdewh tajjeb, l-ewwelnett hemm bżonn li jkun hemm kollaborazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat tal-Istat u b’mod partikolari mat-Taqsima tal-Personal fi Rwoli Diplomatiċi tas-Santa Sede kif ukoll mar-Rappreżentanti Pontifiċji li żgur ma jonqsux li jagħtu l-għajnuna valida tagħhom biex jindikaw Knejjes partikulari li lesti jilqgħu lil dawn l-istudenti u jsegwuhom fl-esperjenza tagħhom.

“Jien ċert, li wara li jingħelbu l-problemi tal-bidu li jista’ jkun b’riżultat ta’ dan il-bdil fil-formazzjoni tad-diplomatiċi tal-futur tas-Santa Sede, l-esperjenza missjunarja li nixtiequ ndaħħlu se sservi mhux biss lid-diplomatiċi żgħażagħ, imma anke lill-Knejjes li magħhom għad jikkollaboraw u nittama li tqajjem f’saċerdoti oħra mal-knisja universali, ix-xewqa li huma wkoll ikunu disposti li jagħmlu perjodu ta’ servizz missjunarju ‘l hinnmid-djoċesi tagħhom.

“Fl-aħħarnett”, temm l-ittra tiegħu l-Papa Franġisku, “inpoġġi f’idejn il-Verġni Marija, Omm il-Knisja“Fl-aħħarnett”, temm l-ittra tiegħu l-Papa Franġisku, “inpoġġi f’idejn il-Verġni Marija, Omm il-Knisja dan il-mod ġdid ta’ formazzjoni tal-kollaboraturi futuri tas-servizz diplomatiku tal-Vatikan”.