Il-Papa jniedi kampanja ta’ sentejn favur l-emigranti u r-refuġjati

Waqt l-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li għadda fil-Vatikan il-Papa Franġisku nieda uffiċjalment kampanja ta’ sentejn imsejħa “Share the Journey” li permezz tagħha jrid joħloq kultura fejn il-kattoliċi jilqgħu lill-emigranti u lir-refuġjati. L-Isqfijiet Amerikani kienu l-ewwel li ħabbru li bejn is-7 u t-13 ta’ Ottubru se jagħmlu Ġimgħa ta’ Talb mal-pajjiż kollha biex din il-kampanja tilħaq l-iskopijiet tagħha.
Il-kampanja hi maħsuba biex tipprovdi mezzi prattiċi għall-insara biex ikissru l-barrieri tal-biża’ u jibnu pontijiet mal-emigranti u r-refuġjati. F’isem il-Papa il-kampanja se tkun organizzata mill-Caritas Internationalis.
Il-Kardinal Luis Tagle, Arċisqof ta’ Manila u President tal-Caritas Internationalis qal li l-kampanja se tinkoraġixxi lill-insara jirritornaw għall-istudju tal-Iskrittura li turi li Kristu f’qalbu dejjem kellu post speċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli. Il-kampanja trid tħassar jew tikkoreġi miti negattivi dwar l-emigranti u l-imigrazzjoni u tindirizza xi għeruq tal-emigrazzjoni furzata.
“Jekk ma nindirizzawx din il-kriżi umanitarja bl-għajnuna tal-gvernijiet u l-komunitajiet nibqgħu naraw ġenerazzjonijiet ta’ nies b’futur imkisser”, qal Talge.
Fost l-inizjattivi li se jittieħdu tul il-kampanja hemm  talbiet ġodda tal-fidili biex jingħadu matul il-quddies tal-Ħadd, riżorsi ta’ omeliji għas-saċerdoti, għodod fuq il-media soċjali, opportunitajiet ta’ volontarjat għal ħidma mal-emigranti u r-refuġjati u riżorsi edukattivi maħsuba biex ixerrdu l-istejjer tal-emigranti.
Matul il-Pontifikat tiegħu, Papa Franġisku għamel mill-kawża tal-imigranti u r-refuġjati  punt fokali tal-ħidma tiegħu. L-ewwel vjaġġ tiegħu barra minn Ruma bħala Papa mar għal ġurnata f’Lampedusa fost ir-refuġjati fejn iċċelebra qudiesa biex ifakkar l-eluf ta’ emigranti li tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran biex ifittxu futur aħjar fl-Ewropa.
Fl-Omelija dakinhar, il-Papa kien ikkritika l-“indifferenza globali” għat-traġedja ta’ dawn l-emigranti u refuġjati.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Papa bagħat ittra  lis-Sorijiet Missjunarji tal-Qalb ta’ Ġesu li fakkru il-100 sena mill-mewt tal-fundatriċi tagħhom Sr Frances Xabier Cabrini li waqqfet din il-kongregazzjoni fl-1880 biex tgħin lill-emigranti li kienu qed jaslu fl-Istati Uniti mill-Italja. F’din l-ittra qal li “il-ħafna emigrazzjoni li qed isseħħ bħalissa għandha bħonn gwida mimlija imħabba u ntelliġenza li kienet karaterizzata mill-kariżma ta’ Sr. Cabrini”.
Il-Ġimgħa ta’ Talb fl-Istati Uniti se ssir fost kritika qawwija tal-Isqfijiet Amerikani għall-politika tal-President Donald Trump li hi mmirata biex twaqqaf id-dħul tal-emigranti fl-Amerika.