Il-Papa jneħħi minn qassis lil dak li kien akkużat b’abbużi

Reuters

Il-Papa Franġisku neħħa minn qassis lil Fernando Karadima Fariña, li kien fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-abbuż sesswali fiċ-Ċilì.

L-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istampa tas-Santa Sede tgħid li l-Papa ħa din id-deċiżjoni li hija eċċezzjoni “għall-ġid tal-Knisja,” liema deċiżjoni hi suprema u immedjata.

Din id-deċiżjoni tal-Papa tneħħi lil Fariña minn kull obbligu klerikali.

Fi Tweet, wieħed mill-vittmi ta’ dan l-abbuż qal li qatt ma ħaseb li għad tasal din il-ġurnata, filwaqt li rringrazzja lill-Papa Franġisku.

Dan l-iskandlu ta’ abbużi sesswali fiċ-Ċilì ilu jqajjem kontroversja għal dawn l-aħħar xhur. L-Arċisqof Malti Charles Scicluna kien wieħed minn dawk li ntbagħtu ċ-Ċilì mill-Papa Franġisku biex jippruvaw itejbu s-sitwazzjoni, b’mod speċjali billi jitkellmu mal-vittmi tal-abbużi sesswali.

Ix-xahar li għadda, il-Knisja Ċilena talbet għall-maħfra ta’ dawk akkużati b’abbuż.