Il-Papa jkompli jisħaq biex nilqgħu u nintegraw lill-emigranti u refuġjati

Papa Franġisku jiltaqa' ma' grupp ta' emigranti f'Lampedusa

Read in English.

Fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji tal-Emigranti u r-Refuġjati li jkun ċelebrat fid-29 ta’ Settembru, il-Papa Franġiski ħareġ messaġġ apposta għall-okkażżjoni li fih jisħaq fuq it-tema “Mhux biss dwar l-emigrant” u jkompli jisħaq dwar il-bżonn li nilqgħu u nintegraw lill-emigranti u refuġjati.

Il-fidi tiżgurana li b’mod misterjuż is-Saltna ta’ Alla hija diġà preżenti hawn, fid-dinja. Madankollu, fi żmienna, b’dieqa naraw li hija tiltaqa’ ma’ ostakli u oppożizzjoni. Il-konflitti vjolenti u gwerer sħaħ ikomplu jkissru l-umanità; l-inġustizzji u d-diskriminazzjoni jirkbu fuq xulxin; l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali fuq skala lokali u globali huma diffiċli li jintrebħu. U fuq kollox huma l-ifqar fost il-fqar u l-iktar żvantaġġati li jħallsu l-prezz.

Is-soċjetajiet li huma l-iktar avvanzati ekonomikament qed jaraw xejra dejjem akbar lejn individwaliżmu estrem li, imsieħeb minn mentalità utilitarjana u msaħħaħ mill-midja, qed jipproduċi “globalizazzjoni ta’ indifferenza”. F’dan ix-xenarju, il-migranti, ir-refuġjati, il-persuni maqlugħin minn għeruqhom u l-vittmi tat-traffikar saru emblemi ta’ esklużjoni. Barra t-tbatijiet li ġġibilhom magħha l-qagħda tagħhom, in-nies spiss tħares bl-ikrah lejhom u tqishom bħala l-għeruq tad-deni kollu tas-soċjetà. Din hi twissija dwar il-ħsara morali li se nħabbtu wiċċna magħha jekk se nkomplu nwittu t-triq ta’ kultura li tarmi l-bnedmin. Fil-fatt, jekk din tkompli, kull min ma jkunx fi ħdan in-normi aċċettati ta’ qagħda tajba fiżikament, mentalment u soċjalment huwa f’riskju li jiġi emarġinat u eskluż.

Ninkwetaw għall-emigranti

Għaldaqstant, il-preżenza tal-migranti u r-refuġjati – u tal-bnedmin vulnerabbli in ġenerali – hija stedina biex nirkupraw xi wħud mid-dimensjonijiet essenzjali tal-eżistenza Nisranija tagħna u tal-umanità tagħna li, f’soċjetà prospera, huma f’riskju li jintesew. Huwa għalhekk li mhix biss dwar il-migranti. Meta aħna ninkwetaw għalihom, aħna nkunu ninkwetaw ukoll għalina nfusna, għal kulħadd; meta nieħdu ħsiebhom, nikbru lkoll kemm aħna; meta nisimgħuhom, inkunu qed nagħtu wkoll leħen lil parti minna nfusna li għandu mnejn inkunu qed inżommuha moħbija għaliex fi żmienna n-nies ma tħarisx tajjeb lejha.

“Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” Mhix biss dwar il-migranti: hija wkoll dwar il-biżgħat tagħna. Is-sinjali tal-ħażen li aħna naraw madwarna jkabbru “l-biżgħa tagħna mill-‘oħrajn’, minn min ma nafux, l-emarġinat, il-barrani. Dan narawh b’mod partikolari llum, meta migranti u refuġjati jiġu jħabbtu fuq biebna jfittxu l-protezzjoni, is-sigurtà u ġejjieni aħjar. Sa ċertu punt, il-biża hu leġittimu, inkluż għaliex m’hemmx tħejjija għal din il-laqgħa”.

“Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan?” Mhix biss dwar il-migranti: hija dwar il-karità.  Bl-għemil ta’ karità, aħna nuru l-fidi tagħna. U l-ogħla forma ta’ karità hi dik murija ma’ dawk li ma jkunux f’qagħda li jirreċiprokawlna u forsi lanqas li jirringrazzjawna. “Huwa dwar il-wiċċ li aħna rridu nagħtu lis-soċjetà tagħna u dwar il-valur ta’ kull ħajja umana. Il-progress tal-popli tagħna… jiddependi fuq kollox fuq kemm aħna nkunu miftuħin biex nitqanqlu u nħossu għal dawk li jħabbtu fuq biebna.

L-umanità tagħna

L“Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru”. Mhix biss dwar il-migranti: hija wkoll dwar l-umanità tagħna. Kienet il-mogħdrija li qanqlet lis-Samaritan biex ma jibqax sejjer. Il-mogħdrija hija sentiment li ma jistax jiġi spjegat fuq livell purament razzjonali. Il-mogħdrija tmiss l-iktar kordi sensittivi tal-umanità tagħna, b’mod li tnissel fina ħerqa qawwija biex inkunu “proxxmu” għal dawk kollha li aħna naraw f’diffikultà. Kif jgħallimna Ġesὺ stess, li nuru mogħdrija jfisser li nagħrfu t-tbatija ta’ ħaddieħor u li nieħdu minnufih azzjoni biex indewwu, infejqu u nsalvaw. Li nuru mogħdrija jfisser li nħallu spazju għal dik il-ħlewwa li s-soċjetà tal-lum spiss tridna noħonqu.

“Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet”. Mhix biss dwar il-migranti: hija kwistjoni li ħadd ma jkun eskluż. Id-dinja tal-lum qed issir dejjem aktar waħda elitista u krudili mal-esklużi. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed ikomplu jaraw l-aħjar riżorsi naturali u umani tagħhom jinxtorbu għall-benefiċċju ta’ ftit swieq privileġġjati. Il-gwerer jeffettwaw biss uħud mir-reġjuni tad-dinja. Madankollu, l-armi tal-gwerra jsiru u jinbiegħu f’reġjuni oħrajn li mbagħad ma jridux jilqgħu lir-refuġjati li jnisslu dawn il-konflitti. Dawk li jħallsu l-prezz huma dejjem iż-żgħar, l-iktar vulnerabbli, li ma jitħallewx joqogħdu mal-mejda u li għalihom hemm biss il-frak tal-ikla.

“Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom; u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd”. Mhix biss dwar il-migranti: hija dwar li nqegħdu lil ta’ l-aħħar fl-ewwel post. Ġesὺ Kristu jitlobna biex ma nċedux għal-loġika tad-dinja, li tiġġustifika l-inġustizzja mal-oħrajn biex ingawdi jien jew dawk tal-grupp tiegħi. “L-ewwel jien, u mbagħad l-oħrajn!” Minflok, il-motto veru tan-Nisrani hu, “Tal-aħħar jiġu l-ewwel!”. Spirtu individwalista huwa art għammiela għal dik ix-xorta ta’ indifferenza għall-proxxmu tagħna li twassalna biex inħarsu lejh biss f’termini ekonomiċi, insiru ma jimportaniex mill-umanità tiegħu, u fl-aħħar ifeġġu fina sentimenti ta’ biża’ u ċiniżmu. Mhux dawn huma l-attitudnijiet li aħna spiss nadottaw lejn il-fqar, l-emarġinati u ‘l-iżgħar’ tas-soċjetà? U kemm għandna minn dawn ‘l-iżgħar’ fis-soċjetajiet tagħna! Fil-loġika tal-Evanġelu, tal-aħħar jiġu l-ewwel, u aħna għandna nqegħdu lilna nfusna għas-servizz tagħhom.

“Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”. Mhix biss dwar il-migranti: hija dwar il-persuna sħiħa, dwar il-bnedmin kollha. Fi kliem Ġesὺ, aħna nsibu l-qalba tal-missjoni tiegħu: li jara li kulħadd jirċievi id-don tal-ħajja fis-sħuħija kollha tiegħu, skont ir-rieda tal-Missier. Fiċ-ċentru ta’ kull attività politika, kull programm, kull azzjoni pastorali rridu nqegħdu dejjem il-bniedem, fil-bosta aspetti tiegħu, inkluża d-dimensjoni spiritwali. U dan japplika għall-bnedmin kollha, li l-ugwaljanza fundamentali tagħhom trid tkun magħrufa.

Il-belt ta’ Alla u tal-bniedem

“Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u n-nies tad-dar ta’ Alla”. Mhix biss dwar il-migranti: hija dwar il-bini tal-belt ta’ Alla u l-bniedem. Fi żmienna, li jista’ jissejjaħ ukoll l-era tal-migrazzjoni, ħafna nies innoċenti jaqgħu vittmi tal-“ingann kbir” ta’ teknoloġija mingħajr limitu u żvilupp konsumerista. B’riżultat, huma jibdew vjaġġ lejn “ġenna tal-art” li inevitabbilment ma tkunx dik li jkunu qed jistennew. Il-preżenza tagħhom, xi drabi skomda, tgħin biex tikxef il-mit ta’ progress li minnu jgawdu l-ftit waqt li jibni fuq l-esplojtazzjoni tal-ħafna.

Għeżież aħwa, it-tweġiba tagħna għall-isfidi tal-migrazzjoni tal-lum tista ’ tinġabar f’erba’ verbi: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw. Madankollu, dawn il-verbi ma japplikawx biss għall-migranti u r-refuġjati. Huma jiddeskrivu l-missjoni tal-Knisja ma’ dawk kollha li qed jgħixu fil-periferiji tal-eżistenza, li jridu jkunu milqugħin, imħarsa, miġjubin ’il quddiem u integrati. Jekk aħna npoġġu dawn l-erba’ verbi fil-prattika, nkunu qed ngħinu biex tinbena l-belt ta’ Alla u tal-bniedem. Inkunu qed immexxu ’l quddiem l-iżvilupp sħiħ tal-bnedmin kollha. Inkunu qed ngħinu wkoll lill-komunità dinjija biex tersaq iktar qrib lejn il-miri ta’ żvilupp sostenibbli li hija fasslet għaliha nfisha

F’kelma waħda, fin-nofs m’hemmx biss il-kawża tal-migranti; mhix biss dwarhom, imma dwarna lkoll, u dwar il-preżent u l-ġejjieni tal-familja umana. Il-migranti, speċjalment dawk li huma l-iktar vulnerabbli, jgħinuna naqraw “is-sinjali taż-żminijiet”. Permezz tagħhom, il-Mulej qed isejħilna għall-konverżjoni, biex ninħelsu mill-esklussività, l-indifferenza u l-kultura li tarmi. Permezz tagħhom, il-Mulej jistedinna biex inħaddnu l-ħajja Nisranija tagħna b’mod sħiħ u biex nikkontribwixxu, kulħadd skont il-vokazzjoni proprja tiegħu jew tagħha, għall-bini ta’ dinja li tkun dejjem aktar skont il-pjan ta’ Alla.