Il-Papa jkompli jappella għat-tneħħija tal-piena tal-mewt

Papa Franġisku jiltaqa’ mal-membri tal-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Piena tal-Mewt

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Papa Franġisku kellu udjenza mal-membri tal-Kummissjoni Internazzjonali Kontra l-Piena tal-Mewt u fid-diskors li għamlilhom talab lill-pajjiżi li għad għandhom il-piena tal-mewt biex jadottaw moratorium fuqha.

Il-Papa qal lill-membri tal-Kummissjoni li minn kemm ilu li beda l-Pontifikat tiegħu, il-verità li “kull ħajja hi sagra” ikkonvinċietu jimpenja ruħu biex jara li l-piena tal-mewt titneħħa fuq livell internazzjonali. Dan l-impenn ikkonkretiżżah meta riċentement inbidel paragrafu fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika biex issa t-tagħlim tal-Knisja jirrifletti “id-duttrina tal-aħħar Papiet kif ukoll fil-bidla tal-kuxjenza tal-insara li huma kontra l-piena tal-mewt għax tmur kontra d-dinjità umana.”

Hu sostna li l-piena tal-mewt kienet aċċettata fi “żmien li kien aktar legalistiku milli nisrani, li injora l-primat tal-ħniena fuq il-ġustizzja.” It-tagħlim tal-Knisja llum hu “li fid-dawl tal-Evanġelu, il-piena tal-mewt qatt m’hi aċċettata għax hi attakk fuq id-dinjità invjolabbli tal-persuna”.

Il-Papa qal li sentenzi ta’ priġunerija li ma jagħtux lok għar-riabilitazzjoni morali tal-persuna biex ikun jista’ jerġa’ jidħol lura fis-soċjetà hi “mewt moħbija”. Ħadd ma għandu jkun imċaħħad mill-ħajja jew mit-tama li jkun “mifdi u rikonċiljat”.

L-impenn tal-Knisja li topponi l-piena tal-mewt għandu jkun l-impenn ukoll tal-komunità internazzjonali, żied il-Papa. Id-dritt tan-nazzjonijiet li jiddeċiedu s-sistemi legali tagħhom m’għandux imur kontra l-liġi internazzjonali jew ir-rikonoxximent internazzjonali tad-dinjità umana.

Il-Papa Franġisku għamel appell lil dawk il-pajjiżi li għad ma neħħewx il-piena tal-mewt biex jabolixxu din il-forma kiefra ta’ kastig. Lil dawk il-pajjiżi fejn hemm il-piena tal-mewt iżda mhux qed tkun applikata, talabhom ikomplu mhux biss ma jesegwux il-piena tal-mewt imma li fl-ewwel lok il-qrati tagħhom ma jimponux din il-piena.

Is-soċjetà żviluppat il-kultura penali fuq il-kunċett tal-ħsara kaġunata lil ħaddieħor jew lid-drittijiet tiegħu. “Ngħata anqas attenzjoni lin-nuqqas li nagħmlu l-ġid lill-oħrajn”, qal il-Papa. Sostna li l-ġustizzja tradizzjonali trid tkun kumplimentata minn etika li tagħti każ

Din l-etika, tikkunsidra “il-kawża tal-imġieba tal-ħati, il-kuntest soċjali, is-sitwazzjoni ta’ kriminali vulnerabbli u s-sofferenza tal-vittmi.” Dan ir-raġunament hu gwidat mill-ħniena divina u jqis kull każ għalih. Fl-aħħarnett “għandha bżonn stil ta’ ġustizzja li tkun kemm “missier kif ukoll omm”. Din l-etika ta’ kura reċiproka ta’ xulxin hi l-bażi ta’ soċjetà li tħobb fejn in-nies jaħdmu għall-ġid komuni, qal il-Papa.

Papa Franġisku ddikjara li kemm il-Knisja kif ukoll is-Santa Sede jixtiequ jikkollaboraw mal-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Piena tal-Mewt biex jinħoloq kunsens dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali u kull forma oħra ta’ kastigi kiefra. “Din hi kawża li dawk kollha ta’ rieda tajba huma msejħa biex jaħdmu favur tagħha u hi dover għal kull min hu mgħammed.