Il-Papa jixtieq iżur l-Insara fl-Iraq

Għal darb’oħra l-Papa Franġisku laqa’ l-okkażjoni u hekk kif il-midja kollha kienet iffukata fuq il-pellegrinaġġ tiegħu fil-Korea ta’ Isfel, tkellem dwar il-vjolenza bla waqfien li għaddejja bħalissa, inkluż il-vjolenza fuq l-Insara.
Fuq l-ajruplan li mill-Korea kien qed qed iwasslu lura lejn Ruma, il-Papa Franġisku wieġeb lill-ġurnalisti li qal li hu lest imur personalment fl-Iraq biex jgħin ħalli jieqaf il-martirju li għaddejjin minnu l-Insara u kull persuna li qed issofri minħabba t-twemmin li tħaddan.
B’rabta maż-żjara li l-Kardinal Ferdinando Filoni fil-Kurdistan, il-Papa qal li mhux qed jeskludi wkoll il-possibilità li jżur dan il-pajjiż biex iqatta’ ftit ħin mar-refuġjati.
Il-Papa sostna li d-dinja qiegħda fuq l-għatba tat-Tielet Gwerra Dinija għax “il-bniedem laħaq livell għoli ta’ ħażen u li t-tortura kważi saret xi ħaġa normali”.
Qal ukoll li fejn qed issir aggressjoni inġusta, l-unika ħaġa permessibbli li tista’ ssir hi li jitwaqqaf minnufih l-aggressur u mhux ikomplu l-bumbardamenti jew inkella jinħoloq kunflitt ġdid.  Franġisku qal dan b’rabta mal-attakki Amerikani fl-Iraq.
Waqt li kien għaddej minn fuq iċ-Ċina, il-Papa Franġisku ammetta li jixtieq iżur dan il-pajjiż mill-aktar fis għax għandu rispett kbir lejn il-poplu Ċiniż u l-istorja tiegħu. Semma wkoll ix-xewqa li s-sena d-dieħla jmur f’Philadelphia għal-Laqgħa Dinija dwar il-Familji.
Waqt l-intervista li damet aktar minn siegħa, il-Papa ġie mistoqsi wkoll dwar it-talb li sar f’Ġunju li għadda fil-Vatikan biex f’Gaża tirrenja l-paċi.  Wieġeb li dik l-inizjattiva ma kinitx falliment, anzi l-kontra.  Fakkar li kienu ż-żewġ presidenti, tal-Palestina u tal-Iżrael li ħarġu b’din il-proposta.  Iddeskriva lill-presidenti bħala rġiel tal-paċi li tant raw affarijiet koroh li issa jemmnu biss fil-paċi u fid-djalogu.