Il-Papa jixtieq iżur l-Arġentina ma jdumx

Papa Franġisku f'laqgħa ma' grupp ta' Isqfijiet Arġentini li jinsabu fil-Vatikan (CNS photo/Vatican Media)

Waqt li kien qed ikellem grupp ta’ Isqfijiet mill-Arġentina li kienu qed jagħmlu żjara “ad limina” fil-Vatikan, il-Papa Franġisku esprima x-xewqa li fil-futur qrib, forsi sas-sena d-dieħla, iżur pajjiżu, l-Arġentina. Iżda ma jidhirx li kien hemm assigurazzjoni dwar dan.

“Il-Papa ripetutament uriena din ix-xewqa” qal l-Arċisqof Andres Stanovnik ta’ Corrientes.  Il-problema hi l-aġenda li għandu.

Wara laqgħa ta’ sagħtejn mal-Papa, l-Arċisqof  Victor Manuel Fernandez ta’ La Plata qal li l-Papa ma kkonfermax u anqas ċaħad li jista’ jżur pajjiżu.

Iż-żewġ Isqfijiet huma fost 30 Isqof Arġentin li qed jagħmlu din iż-żjara fil-Vatikan.

Opportunità mitlufa

F’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux” l-Arċisqof Eduardo Martin ta’ Rosario ikkonferma li kien hemm diskors dwar dan il-vjaġġ u l-Papa stqarr li “tlifna opportunità għax kien hemm diffikultajiet f’wieħed mill-pajjiżi li xtaqt inżur”.

Hu qal li f’din it-tieni żjara tiegħu fil-Vatikan minn meta nħatar Arċisqof, innota differenzi kbar mill-ewwel darba. “Hemm bidla kbira fl-atteġġjament tad-dipartimenti tal-Vatikan. Mhux il-Kapijiet tad-Dikasteru jgħidulna x’għandna nagħmlu, imma dawn jisimgħu u jifhmu t-tħassib tagħna.”

Barra laqgħat li taw il-frott, l-Arċisqof Martin qal li ż-żjara tal-Isqfijiet f’Ruma tagħtihom l-opportunità li jġeddu “l-għaqda u l-ubbidjenza tagħhom lejn il-Papa u fl-istess waqt aħna nġeddu l-fidi tagħna”. Dan hu l-importanti, l-affarijiet l-oħra huma sekondarji. “Ma ġejniex għal laqgħat burokratiċi imma biex niltaqgħu mal-Vigarju ta’ Kristu fid-dinja”.

Laqgħa straordinarja

Hu qal li l-laqgħa tagħhom mal-Papa kienet waħda “straordinarja” u kellhom ċans jistaqsuh diversi domandi u jesprimi l-imħabba tagħhom lejh. “Staqsejnih b’mod partikolari dwar affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-Knisja, inkluż is-saċerdozju, l-ħajja reliġjuża, is-seminarji u l-faqar. Hu talabna nkunu xhieda tal-fatt li Kristu hu ċ-ċentru ta’ ħajjitna”, qal l-Isqof Martin.

L-Isqfijiet tkellmu wkoll mal-Papa dwar it-“tensjoni soċjali” f’pajjiżhom li qed tinħoloq minħabba l-possibiltà li l-abort ikun dekriminalizzat.

Sfida oħra hi kif jilħqu liż-żgħażagħ u jagħtuhom ċans jiltaqgħu ma’ Kristu għax dan jgħinhom jibnu mentalità li tirrispetta l-ħajja.

Minkejja li kien qal li ma jħobbx jivjaġġa, fl-ewwel sitt snin tal-Pontifikat tiegħu l-Papa Franġisku għamel madwar 30 vjaġġ f’diversi pajjiżi u żar kważi l-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina ħlief pajjiżu, l-Arġentina.