Il-Papa jitlob skuża jekk uża kliem li weġġa’ lill-vittmi ta’ abbużi sesswali

Il-Papa Franġisku talab apoloġija lill-vittmi tal-abbużi sesswali li ltaqa’ magħhom fiċ-Ċilì, jekk bil-kliem li uża fid-difiża tal-Isqof Barros, għażel kliem li seta’ offendihom.
Il-Papa qal li ddispjaċih għall-għażla tal-kliem li uża f’dik il-laqgħa u anke meta wieġeb domanda ta’ ġurnalist fuq l-istess suġġett, iżda baqa' jsostni li l-Isqof hu innoċenti.
Waqt li kien qed jitkellem mal-ġurnalisti fi triqtu lura mill-Perù lejn Ruma, il-Papa kif inhi d-drawwa tkellem dwar id-diversi aspetti taż-żjara appostolika fiċ-Ċilì u l-Perù.
“Nitlob skuża għax qed nirrealizza li bil-kliem li użajt weġġajt ħafna vittmi tal-abbuż. Nitlobhom skuża jekk weġġajthom, imma din kienet ferita li għamilt bla ma ridt. Din weġġgħetni ħafna”. 
Meta ltaqa ma’ dawn il-vittmi l-Papa qalilhom li l-Isqof Barros, li huma jakkużaw li kien jaf u ħeba dak li għamel saċerdot li abbuża mit-tfal, kien se jibqa’ fid-djoċesi ta’ Osorno għax ma kien hemm ebda prova kredibbli kontrih.
Meta kien se jitlaq miċ-Ċilì lejn il-Perù, ġurnalist resaq fuq il-Papa u għamillu domanda fuq l-istess suġġett u l-Papa wieġbu “Meta nara prova  kontra l-Isqof Barros, imbagħad nitkellem. S’issa ma hemm anqas biċċa evidenza waħda kontrih. Din kalunja. Qed inkun ċar?” 
Dawn il-kummenti inftiehmu qisu l-Papa kien qed jattakka l-kredibiltà tal-akkużaturi u kien kritikat kemm mill-ġurnali, mill-vittmi u mill-avukati tagħhom.
Il-Papa qal li kien ra dikjarazzjoni tal-Cardinal Sean O’Malley li qal li l-kliem tal-Papa fil-laqgħa mal-vittmi tal-abbużi sesswali kien weġġa' ħafna nies u rringrazzja lill-Kardinal Amerikan għall-istqarrija tiegħu li l-Papa ddeskrivieha bħala “stqarrija ġusta”.  
Qal li l-Kardinal tkellem dwar dak kollu li l-Papa għamel u għadu qed jagħmel u dak li qed tagħmel il-Knisja u tkellem dwar il-weġgħa tal-vittmi, mhux ta’ dan il-każ imma b’mod ġenerali”.