Il-Papa jitlob maż-żgħażagħ għall-unità taż-żewġ Korei

Waqt laqgħa maż-żgħażagħ fil-Korea t’Isfel, il-Papa Franġisku tkellem dwar is-sejħa li qed jagħmel Alla fost iż-żgħażagħ.

Quddiem folla ta’ żgħażagħ Koreani, il-Papa Franġisku staqsa jekk humiex lesti jisimgħu it-taħbita ta’ Alla fil-qalb ta’ kull wieħed minn dawk preżenti.
Ħeġġeġ sabiex ikunu lesti jgħidu “iva” għas-sejħa tiegħu. Fakkar li Alla qed jorbot fuq ir-rieda taż-żgħażagħ. Spjega kif permezz tat-talb, l-Ewkaristija u l-ħidma, iż-żgħażagħ jistgħu jkunu x-xhieda ta' Kristu.

Il-Papa Franġisku minnufih ħalla d-diskors preparat u tkellem b’mod spontanju maż-żgħażagħ dwar dak li jolqot lilhom direttament.  
Tkellem dwar l-għaqda taż-żewġ Korei u ħeġġeġ liż-żgħażagħ preżenti biex jitolbu għal ħuthom fil-Korea ta’ Fuq.
B’rispons għal talba ta’ tfajla Koreana għall-għaqda fil-pajjiż, il-Papa qal li minkejja li l-Korea hija maqsuma, il-popolazzjoni hija waħda, u ħeġġeġ għat-talb sabiex xi darba il-poplu Korean jerġa’ jingħaqad bħala familja waħda.

Fi tmiem il-laqgħa tiegħu l-Papa deher ħerqan għall-Quddiesa Solenni li jiċċelebra l-Ħadd li ġej f’Seoul waqt li talab lil San Ġwanni Pawlu II li kien hu li beda l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, sabiex jibqa’ jkun il-gwida spiritwali taż-żgħażagħ Koreani.