Il-Papa jitlob maħfra lir-Rohingya

Kull persuna umana hi maħluqa fuq ix-xbieha t’Alla imma spiss in-nies jiddesagraw din ix-xbieha permezz tal-vjolenza kif jidher mill-mod kif huma t-trattati il-minoranza Rohingya fi Myanmar.
Dan qalu l-Papa Franġisku, fl-aħħar jum taż-żjara tiegħu f’Bangladesh li fiha ltaqa’ ma 16-il refuġjat Rohingya li niżlu apposta biex jiltaqa’ miegħu.  Hu qal li “llum il-preżenza t’Alla jisimha wkoll Rohingya” filwaqt li żamm f’idejh idejn kull wieħed minn dawn ir-refuġjati biex jisma’ parti mill-istorja tagħhom.
“Dawn ukoll huma xbieha t’Alla” qal Papa Franġisku lill-ġemgħa ta’ mexxejja nsara, musulmani, buddisti u hinduisti li nġabru f’Dhaka għal laqgħa inter-reliġjuża miegħu.
“Ħuti, ejja nuru lid-dinja x’qed tagħmel ir-rgħiba tagħha lix-xbieha ta’ Alla. Ejja nkomplu ngħinu lir-Rohingya. Ejja nkomplu naħdmu biex id-drittijiet tagħhom ikunu rikonoxxuti.  Ejja ma nagħlqux qalbna għal dawn in-nies u nħarsu n-naħa l-oħra”, appella l-Papa.
Waqt li kellem direttament lr-refuġjati Rohingya, l-Papa qalilhom: “Aħna qrib tagħkom. F’isem dawk kollha li ppersegwitawkom u għamlulkom id-deni u speċjalment għall-indifferenza tad-dinja lejkom, jien nitlob maħfra”.  Kien f’dan il-mument li s-16-il refuġjat preżenti dehru jibku.
Il-Papa qal li mhux biżżejjed li nuru tolleranza lejn nies ta’ reliġjonijiet oħra, biex tinbena soċjeta’ fejn id-drittijiet ta’ kulħadd huma rispettati u jkun hemm il-paċi. Dawk li jemmnu jridu jersqu lejn l-oħrajn b’fiduċja reċiproka bla ma jinjoraw id-differenzi imma jħarsu lejhom bħala opportunita’ biex jissaħħu u jikbru flimkien.
 Kulħadd, hu ta’ liema reliġjon hu għandu jkollu qalbu miftuħa għall-oħrajn. Dan ifisser  li rridu nfittxu dak li hu sewwa, il-ġustizzja u s-solidarjeta’ u l-ġid tal-ġirien tagħna, qal il-Papa.
Farid Uddin Masud, għan-nom tal-Komunita’ Musulmana qal lill-Papa li “d-dinja llum għandha bżonn l-imħabba u l-kumpassjoni. L-unika soluzzjoni għall-għira, il-maliżżja u l-ġlied bejn in-nazzjonijiet, razzez u twemmin tinsab fl-imħabba li jippriedkaw u jipprattikaw in-nies importanti tad-dinja”. Hu faħħar lill-Papa talli tkellem f’isem ir-Rohingya u wera t-tama li l-appoġġ tiegħu għall-kawża tagħhom, isaħħaħ l-isforzi internazzjonali favur dawn in-nies.