Il-Papa jitlob lill-Isqfijiet Iraqini biex jgħinu r-ritorn tal-Insara fil-pajjiż

Il-Papa Franġisku, f’laqgħa li kellu f’Ruma ma’ mexxejja Kattoliċi mill-Iraq, qal li wara oppressjoni qawwija u vjolenti mill-ISIS fit-territorju Iraqin għad fadal ħafna xi jsir biex l-Insara u popli oħra jkunu jistgħu jirritornaw għall-ħajja normali f’pajjiżhom.
“Ibqgħu sodi fil-fehmiet tagħkom u ċċedux u tiskoraġixxux ruħkom quddiem l-isfidi kbar li għad fadal biex il-Pjanura ta’ Nineveh tinbena mill-ġdid u terġa’ tieħu r-ruħ”, qal il-Papa.
Il-Papa kien qed jirreferi għal madwar 100,000 Nisrani li kienu jgħixu fil-Pjanura ta’ Nineveh, u li bejn Lulju u Awwissu tal-2014 kellhom jaħarbu minn djarhom meta l-forzi tal-ISIS daħlu f’dak ir-reġjun.
Issa li l-ISIS tkeċċew mill-pajjiż wara l-ħerba li wettqu, ħafna mill-Insara qed jippruvaw jirritornaw lura iżda qed isibu d-djar tagħhom u l-knejjes imfarrka.
Il-Fondazzjoni Pontifiċja “Għajnuna lill-Knisja fil-Bżonn” nediet Pjan ta’ Rikostruzzjoni għall-pajjiż biex tgħin lill-Insara ppersegwitati. 
Dan qed isir bl-għajnuna tal-Gvern Ungeriż u għaqda mill-Istati Uniti. Sal-lum, permezz ta’ dan il-proġett, 17% tal-popolazzjoni ta’ Nineveh irritornat lejn darha.
Wara li rrikonoxxa l-isfidi kbar li għandha l-Knisja fl-Iraq, inkluż l-emigrazzjoni tal-Insara u r-rikostruzzjoni ta’ villaġġi sħaħ imfarrka mill-ISIS kif ukoll ir-ritorn ta’ dawk li kellhom jaħarbu minn djarhom, il-Papa Franġisku appella lill-mexxejja tal-Knisja fl-Iraq biex ikunu aġenti tal-għaqda. Assigurahom li hu personalment qed jitlob biex il-ħniena ta’ Alla tfejjaq il-feriti tal-gwerra li laqtu l-qalba tal-komunitajiet Iraqini.
“Nappelalkom biex taħdmu bla heda bħala bennejja tal-għaqda mal-qassisin tal-Knisja Kattolika u dawk ta’ Knejjes oħra u tinkoraġixxi d-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-atturi kollha fil-ħajja pubblika u flimkien tikkontribwixxu biex tiffaċilitaw ir-ritorn ta’ dawk li tkeċċew minn djarhom, u tfejqu l-firdiet u n-nuqqas ta ftehim bejn l-aħwa,” qalilhom il-Papa.
Fid-dawl tar-riżultat tar-referendum li sar f’Settembru u li fih 93%  tal-Kurdi vvutaw biex jieħdu l-indipendenza mill-Iraq, il-Papa għamel sejħa għall-għaqda u qal li “hemm bżonn ta’ proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali u sforz mill-komponenti kollha tas-soċjetà biex ikun hemm soluzzjonijiet maqbula għall-ġid tal-pajjiż kollu”.