Il-Papa jitlob lill-Ġiżwiti Irlandiżi jgħinu fl-iskandlu tal-abbużi mill-kleru

Papa Franġisku Ġiżwiti Irlandiżi skandlu abbużi kleru
Il-Papa Franġisku f'laqgħa mal-komunità tal-Ġiżwiti fl-Irlanda

F’kull vjaġġ li jagħmel f’pajjiżi barranin il-Papa Franġisku jiltaqa’ mal-komunità tal-Ġiżwiti tal-pajjiż li jkun u l-Irlanda ma kenitx eċċezzjoni avolja l-laqgħa ma kenitx ippjanata. Fil-fatt itlaqa’ ma’ aktar minn 60 patri Ġiżwita fin-Nunzjatura Apostolika.

Meta l-Provinċjal tal-Ġiżwiti Irlandizi, Fr. Leonard Maloney staqsa lill-Papa jekk kienx hemm xi ħaġa li xtaqhom jgħinuh fiha, Papa Franġisku weġibhom: “Għinu biex nindirizzaw l-abbużi sesswali mill-kleru bil-proċess ta’ fejqan u b’ħidma reparatorja li hemm bżonn issir.”

Father Brendan McManus, li ħa ritratti tal-laqgħa qal: “Kienet ġurnata tal-għaġeb li tkun Ġiżwita fl-Irlanda u tiltaqa’ mal-Papa.” Hu staqsa lill-Papa: “Int u l-Knisja kif se tiffaċċjaw u s-solvu l-problema tal-abbużi sesswali mill-kleru għax l-impatt ta’ dan l-abbuż qed ikissirna?”

Il-Papa wieġeb billi ġedded l-impenn tiegħu li jwaqqaf għal kollox dan l-abbuż. Enfasizza li l-Ġiżwiti kellhom jgħinu fil-ġlieda kontra l-abbużi sesswali minn membri tal-kleru u tkellem dwar il-periklu li wieħed jabbuża mill-poter.

Il-Qdusija Tiegħu ħeġġeġ lil sħabu l-Ġiżwiti “biex ikunu fidili fit-talb u jikkunslaw”. Din hi frażi li għandhom kil-Ġiżwiti li tfisser li għandhom ikunu magħquda fl-Ispirtu.

Meta wieħed mill-patrijiet, staqsa lill-Papa Franġisku kif jirnexielu jibqa’ seren, il-Papa qal li hu mportanti li wieħed ikollu “sense of humour”  u fakkar f’ex Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti,  Fr Peter Hans Kolvenback li kien ferm magħruf għall-karattru ferrieħ u ottimist li kellu.

Niall Leahy, Ġiżwita ieħor, ta l-impressjoni tiegħu dwar din il-laqgħa. “Fiċ-ċirkostanzi ta’ din iż-żjara, il-laqgħa tagħna mal-Papa, inevitabbilment għamlitna konxji minn ftit mir-realtajiet koroh tal-ħajja fil-Knisja. Iżda nħossuna wkoll ikkunslati li naraw kif bniedem waħdu jista’ jiffaċċja b’kuraġġ dawn id-diffikultajiet u jerfa’ s-salib.”