Il-Papa jitlob lill-Beatu Pawlu VI jinterċedi għall-Knisja li tant ħabb

Il-Papa Franġisku jitlob fuq il-qabar tal-Beatu Pawlu VI

Fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mill-mewt tal-Beatu Pawlu VI, il-Papa Franġisku niżel fil-grotta taħt il-Bażilika ta’ San Pietru biex jitlob fuq il-qabar tal-predeċessur tiegħu.

Il-Papa Pawlu VI li kien ippresieda fl-aħħar sessjonijiet tal-Konċilju Vatikan II u beda jimplimenta t-tagħlim li ħareġ minn dak il-Konċilju, miet fis-6 ta’ Awwissu 1978 fir-residenza tas-sajf tal-Papa, Castel Gandolfo, ftit barra minn Ruma.

Pawlu VI kien indifen sitt ijiem wara mewtu fil-grotta tal-Bażilika ta’ San Pietru u kuntrarjament għal ħafna papiet midfuna f’din il-grotta, il-qabar tiegħu hu mħaffer fl-art u mhux elevat u mgħotti bi rħama sempliċi.

Waqt li kien qed jgħid l-Anġelus, il-Ħadd 5 ta’ Awwissu, mal-pellegrini miġbura fil-Pjazza tal-Vatikan, il-Papa Franġisku fakkar lill-ġemgħa preżenti fl-anniversarju mill-mewt tal-Beatu Pawlu VI u tennielhom ukoll li kien se jikkanonizzah fl-14 ta’ Ottubru li ġej.

“Mis-sema fejn qiegħed nitolbuh jinterċedi għall-Knisja li tant ħabb u għall-paċi fid-dinja,” qal il-Papa Franġisku. Hu stieden lill-folla preżenti biex tingħaqad miegħu f’ċapċipa “Għal dan il-Papa kbir u modern.”

Il-Beatu Pawlu Vi se jkun dikjarat qaddis flimkien mal-Isqof Oscar Romera u ħames beati oħra, waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ li se jsir f’Ruma f’Ottubru.

ll-Papa Pawlu VI baqa’ magħruf fost affarijiet oħra għall-Enċiklika Humanae Vitae li l-ġimgħa li għaddiet għalqet 50 sena li fiha afferma t-tagħlim tal-Knisja Kattolika kontra l-kontraċezzjoni.

Il-Papa Benedittu XVI kien iddeskrivih bħala Papa Superuman filwaqt li fi kliem Papa Franġisku Pawlu V  “għaraf jagħti xhieda tal-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu fi żminijiet diffiċli.”