Il-Papa jitlob lill-awtoritajiet Peruvjani biex jiddefendu t-Tama

Fil-laqgħa li kellu mal-awtoritajiet ċivili tal-Peru, il-Papa Franġisku ħeġġiġhom biex jaħdmu biex jiddefendu t-tama tal-poplu quddiem id-degradazzjoni ambjentali u l-korruzzjoni.
It-‘Tama” hi t-tema ewlenija taż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa fil-Peru infatti s-slogan li ngħażel hu “Magħqudin fit-Tama”. F’din il-laqgħa li għaliha attendew membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat għall-Peru u uffiċjali tas-soċjeta’ ċivili, Papa Franġisku qalilhom “tara din l-art hi fiha nfisha raġuni għat-tama”.
Il-Peru hu pajjiż li jeċċella fl-ospitalita’, is-solidarjeta’ u l-istima għall-oħrajn. Sostna li ż-żgħażagħ huma l-aktar rigal important li għandu l-pajjiż u dawn “jinkoraġġuni biex noħolmu b’futur mimli tama”.
It-tama, fil-Peru għandha wiċċ il-qdusija.  Fil-Peru twieldu qaddisin li fetħu toroq ta’ fidi għall-kontinent amerikan kollu kemm hu. Fost dawn, Martin de Porres,iben żewġ kulturi li wera s-saħħa u r-rikezza li ssibhom meta l-bniedem jiffoka fuq l-imħabba.  Il-Peru hu pajjiż tat-tama li jistieden u jisfida lill-poplu tiegħu għall-għaqda. Dan il-poplu għandu d-dover li jżomm l-għaqda.
Iżda l-Papa enfasizza li fuq din it-tama hemm dell li qed jikber u tfaċċat theddida. Tkellem dwar kif l-umanita’ qed tneżża lid-dinja mir-riżorsi naturali li mingħajr ma jista’ jkun hemm ebda forma ta’ ħajja.
It-telfin ta’ ġungli u foresti ma tfissirx biss li qed jintilfu l-ispeċi, li jistgħu jkunu riżorsa important ħafna għan-natura, imma qed jintilfu wkoll relazzjonijiet vitali li jistgħu jispiċċaw jibdlu l-ekosistema kollha.
Għalhekk hemm bżonn nisimgħu min-nies u l-popli indiġeni, nirrikonoxxu u nirrispettawhom bħala sieħba validi fid-djalogu. Dawn għandhom rabta diretta mal-art, jaf ż-żminijiet u kif tirreaġixxi u allura jafu wkoll l-effetti katastrofiċi li qed ikun hemm f’isem l-iżvilupp ta’ diversi proġetti. Jiddispjaċini ngħid li d-degradazzjoni tal-ambjent ma nistgħux nifirduha mid-degrad morali tal-komunitajiet tagħna. Dawn m’humiex żewġ realtajiet separati.
F’dan il-kuntest il-Papa enfasizza l-bżonn li “nkunu magħquda biex niddefendu t-tama u dan nagħmluh billi niżviluppaw ekoloġija integrali bħala alternattiva għal mudell skadut ta’ żvilupp”.
Il-ħidma flimkien biex niddefendu t-tama titlob minnha li nkunu attenti ħafna għal dik il-forma sottili oħra ta’ degradazzjoni ambjentali li qed tikkontamina s-sistema kollha tal-ħajja: il-korruzzjoni.
Papa Franġisku qal li qed issir ħafna ħsara lill-poplu tal-Amerika Latina u d-demokraziji tal-kontinent minn dan il-“virus soċjali” – fenomenu li qed jinfetta kollox, bi ħsara kbira kemm lill-foqra kif ukoll lill-pjaneta. Kulma jsir biex nikkumbattu din il-pjaga soċjali għandu jsib l-appoġġ tagħna. Din hi battalja li rridu nagħmluha aħna lkoll.
Li nkunu magħquda biex niddefendu t-tama jitlob li jkun hemm kultura akar ta’ trasparenza fost l-entitajiet pubbliċi, is-settur privat u s-soċjeta’ ċivili. Ħadd ma għandu jkun eskluż minn dan il-proċess. Il-korruzzjoni nistgħu nipprevenuha imma dan jitlob impenn minn kulħadd, temm jgħid il-Papa.