Il-Papa jitlob biex isir minn kollox għal tarbija marida

Il-Papa Franġisku f’dawn il-jiem qed joffri talb speċjali għal tarbija ċkejkna, Alfie Evans u għall-ġenituri tiegħu, li għaddejjin minn mument ta’ tbatija kbira minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħet it-tarbija.
Fi tweet li għameil il-Papa kiteb “hi t-tama sinċiera tiegħi li kulma hu meħtieġ isir biex b’kumpassjoni nkomplu nakkumpanjaw liċ-ċkejken Alfie Evans u nitlob ukoll li s-sofferenza kbira li minnha għaddejja l-familja tiegħu tkun mismugħa.”
“Qed nitlob għal Alfie u l-familja tiegħu u għal dawk kollha li b’xi mod huma involuti f’din l-istorja”, kiteb il-Papa.
Filwaqt li t-tobba għadhom ma jafux b’ċertezza x’inhi l-kundizzjoni ta’ din it-tarbija ta’ 23 xahar, hu maħsub li dan għandu kundizzjoni newroloġika rari ħafna tixbaħ lil dik li kellu Charlie Gard, tarbija oħra li s-sena li għaddiet ġibdet l-attenzjoni tad-dinja kollha meta kontra x-xewqa tal-ġenituri tiegħu t-tobba fl-Ingilterra, appoġġjati b’sentenza tal-Qorti, kienu tfewlu l-magna li kienet qed iżżommu ħaj.
Din id-darba, Alfie hu kkunsidrat li jinsab fi stat semiveġetali.
Is-sistema ġudizzjarja fl-Ingilterra qed tgħid li għandu jieqaf it-trattament mediku li qed jingħata, iżda l-ġenituri tat-tarbija ma jixtiqux li jsir dan.
Sa minn Diċembru tal-2016, meta infezzjoni fil-pulmun kienet ħolqitlu kriżi kronika, Alfie qed jinżamm fit-taqsima tal-Kura Intensica fil-Hey Children Hospital f’Liverpool. It-tobba fl-isptar qed jgħidu li hu fl-aħjar interess tat-tarbija li titwaqqaflu l-ventilazzjoni mekkanika li tgħinu jieħu n-nifs.
Iżda l-ġenituri ta’ Alfie, Kate James u Tom Evans, qed isostnu li binhom qed juri sinjali li ġej 'il quddiem u l-kundizzjoni ta’ saħħtu qed titjieb bil-mod il-mod u allura qed jiġġieldu għad-dritt li jinżamm ħaj.  Huma jixtiequ li t-tarbija tittieħed fi sptar ieħor biex jingħata terapija sperimentali.
L-istampa Ingliża qed tispekula li f’dawn il-jiem l-isptar jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf il-magna tan-nifs lil Alfie.