Il-Papa jitlob għall-vittmi tat-traġedja f’Ġenova

Waqt it-talba tal-Anġelus ilbieraħ f’nofsinhar, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija, il-Papa Franġisku talab għall-vittmi tat-traġedja li seħħet f’Ġenova nhar it-Tlieta li għadda li ħalliet għadd ta’ vittmi.

Parti mill-pont magħruf bħala “Morandi Bridge” li hu għoli 45 metru mil-livell tal-art sfronda u s’issa diġà nstabu 39 persuna mejta taħt it-tifrik.  Għadd ieħor ta’ persuni jinsabu l-isptar, uħud f’kudizzjoni gravi filwaqt li l-ħaddiema tas-salvataġġ għadhom ifittxu aktar vittmi.

Il-Papa talab biex il-Madonna mis-sema tagħti konfort, kuraġġ u serenità lil kulħadd, speċjalment lil dawk milquta minn din it-traġedja filwaqt li qal li jafda lill-vittmi fil-ħniena t’Alla.

“Nixtieq ngħid li spiritwalment inħossni ħafna qrib il-familji tal-vittmi, tal-feruti, dawk li tilfu djarhom u dawk kollha li b’xi mod sofrew minn dan l-inċident drammatiku”, qal il-Papa.

Il-Papa stieden lil kulħadd biex jingħaqad miegħu fit-talb għall-vittmi tal-inċident u flimkien mal-folla preżenti fi Pjazza San Pietru, qal Ave Maria għall-bżonnijiet tagħhom.

Il-pont waqa’ nhar it-Tlieta filgħodu waqt xita qawwija. Parti mill-pont, twila 80 metru waqgħet u partijiet minnha ġew fi xmara, oħrajn fit-triq, fuq fabbriki u fuq karrozzi li kienu għaddejja minn taħt il-pont filwaqt li 35 karrozza li kienu fuq il-parti mġarrfa, baqgħu neżlin għal isfel b’min kien hemm fihom.

Filwaqt li l-ħaddiema tas-salvataġġ qed jaħdmu biex ifittxu jekk hemmx vittmi mejtin jew ħajjin taħt it-tifrik, mijiet ta’ familji li jgħixu fl-inħawi kienu evakwati minn djarhom.

Min-naħa tiegħu l-Kardinal Angelo Bagnasco, l-Arċisqof ta’ Ġenova qal li “l-belt ta’ Ġenova hi feruta iżda mhux imkissra. Ċert li l-belt se tingħaqad u tħares ‘il quddiem b’kuraġġ kif dejjem għamlet fil-passat”.

Il-Kardinal qal li l-parroċċi kollha tad-djoċesi f’jum l-Assunta se jkunu miftuħa biex isir talb għal dawk milquta. Hu stieden lill-parroċċi kollha ta’ Ġenova biex joffru talb speċjali lill-Madonna u jafdaw fiha l-vittmi, il-feruti, il-familji u l-belt kollha kemm hi.

Sadattant il-knejjes kollha tad-djoċesi nhar it-Tlieta stess infetħu biex jilqgħu fihom lil dawk li spiċċaw bla dar jew kienu evakwati minn djarhom wara t-traġedja.