Il-Papa jitlob għall-vittmi tat-terroriżmu u ta’ diżastri naturali

Forzi tas-Sigurtà miġbura fil-post tal-isplużjoni f’Mogadishu (ANSA)

Nhar il-Ħadd li għadda, wara t-talba tal-Angelus il-Papa Franġisku talab għall-vittmi ta’ tliet inċidenti li ħallew warajhom numru ta’ persuni mejta, oħrajn feruti u numru ieħor li spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

“Ejjew mintolbu ‘l Alla għall-vittmi tal-attakk terribbli li seħħ il-bieraħ (is-SIbt) f’Mogadishu fis-Somalia, fejn karrozza bomba qatlet aktar minn 70 persuna”, appella l-Papa filwaqt li esprima solidarjetà mal-membri tal-familji tal-mejta.

20 persuna oħra mietu aktar tard fl-isptar filwaqt li 100 persuna sfaw feruti,  L-awtoritajiet Somali qalu li l-mejta aktarx jiżdiedu għax fost il-feruti hemm nies f’kundizzjoni gravi ħafna.

Il-President tas-Somalia, Mohamed Abdullahi Farmaajo, qal li jissuspetta li wara dan l-attakk djaboliku hem mil-grupp armat “al-Shababa”. Hu ddeskriva din it-traġedja bħala attakk terroristiku mill-agħar.

Il-grupp al-Shabab li għal xi żmien kien jikkontrolla t-territorju ta’ Mogadishu kien imġiegħel jitlaq mill-pajjiż fl-2011. Iżda minn dakinhar ‘l hawn wettqu diversi attakki terroristiċi kemm fis-Somalia kif ukoll fil-Kenya.

Kazakhstan

Il-Papa Franġisku talab ukoll għall-vittmi tat-traġedja tal-ajru li seħħet meta ajruplan tal-passiġġieri waqa’ fil-Kazakhstan u mietu 12-il persuna.

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatian, il-Kardinal Pietro Parolin, f’isem il-Papa bagħat messaġġ lill-Gvern tal-pajjiż fejn esprima l-kondoljanzi tal-Papa għall-vittmi għall-kraxx li seħħ fil-belt ta’ Almaty.

Il-Papa qal li kien imnikket meta sema’ bit-traġedja u qed jitlob għall-mistrieħ etern tal-mejta u l-fejqan tal-feruti.

Tnax il-persuna mietu u ħafna oħra sfaw feruti meta l-ajruplan waqa’ ftit wara li nqata’ mill-art nhar il-Ġimgħa li għadda.  Fuq l-ajruplan kien hemm madwar 100 persuna fuq titjira li kienet sejra minn Almaty għall-belt kapitali Nur-Sultan.

Filippini

Sadattant, wara r-reċita tal-Angelus l-għada tal-Milied, il-Papa talab għall-vittmi tat-tifun Phanfone li laqat partijiet mill-pajjiż f’Jum il-Milied u qatel 13-il persuna.

“Nixtieq ningħaqad fit-tbatija li għaddej minnha l-poplu għażiż tal-Filippini li ntlaqtu mit-Tifun Phanfone, stqarr il-Papa Franġisku. Hu assigura lill-poplu tal-Filippini li kien qed jitlob għall-mejta u għall-bosta vittmi ta’ dan id-diżastru naturali.

It-tifun Phanfone laqat iċ-ċentru tal-Filippini fJum il-Milied. 13-il persuna mietu Għad mhux magħruf in-numru ta’ dawk mitlufa, filwaqt li madwar 60,000 persuna kienu evakwati minn djarhom.

Quddiem dawn it-traġedji, hekk kif resqin lejn tmiem is-sena, il-Papa Franġisku temm il-messaġġ tiegħu billi wera t-tama li s-sena tintemm fil-paċi u fuq kollox “bil-paċi f’qalbna”.