Il-Papa jitlob għall-vittmi tal-vjolenza u l-ebola fil-Congo

Nies fil-Congo jaħarbu mill-ġlied li fena l-pajjiż

Lejlet l-aħħar tas-sena l-Papa Franġisku offra talb għar-Republika Demokratika tal-Congo li bħalissa qed tiffaċċja sfidi kbar fosthom vjolenza, il-marda tal-ebola u fl-istess jum kienu qed isiru l-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż.

Quddiem folla ta’ madwar 50,000 persuna miġbura fi Pjazza San Pietru, il-Papa qal “Ejjew nitolbu flimkien għal dawk kollha fil-Congo li qed isofru mill-vjolenza u mill-ebola. Nittama li kulħadd jaħdem biex tinżamm atmosfera ta’ paċi lifiha jistgħu jsiru elezzjonijiet regolari u paċifiċi.”

Ir-Republika Demokratika tal-Congo għal dawn l-aħħar snin hi mfarrka bil-gwerer.

F’intervista mal-organiżazzjoni Aid to Church in Need aktar kmieni din is-sena, Fr. Apollinaire Cibaka Cikongo kien spjega s-sitwazzjoni fil-pajjiż.

“Issa li faqqgħet l-ebola, il-Congo reġa’ jinsab fl-aħbarijiet.  Imma għaliex ħadd m’hu qed isemmi l-vittmi tal-gwerrer? Kull mewt hi terribbli u bl-ebola jistgħu jmutu bejn 40 u 50 persuna kuljum.

“Il-gwerrer diġa ħasdu l-ħajja ta’ aktar minn 12-il miljun persuna f’dan il-pajjiż. Mijiet ta’ tfal qed imutu bil-ġuħ. Alla qed jibki f’pajjiżi. Hawnhekk trid tkun biex tixxutalu d-dmigħ minn għajnejH.”

Skont l-Aġenzija tal-Aħbarijiet FIDES, il-Konferenza Episkopali tal-Congo qed toffri 40,000 osservatur biex ikun assigurat li l-elezzjonijiet fil-pajjiż f’dawn il-jiem isiru b’mod ġust.  Minkejja dan, diversi aġenziji tal-aħbarijiet qed jirrappurtaw problemi waqt dawn l-elezzjonijiet.