Il-Papa jitlob għall-vittmi ta’ traġedji

It-tifrik li ħalla l-attakk fuq knisja fil-Filippini

Fl-aħħar diskors uffiċjali tiegħu qabel telaq mill-Panama, li għamlu wara r-reċita tal-Angelus nhar il-Ħadd f’nofsinhar, il-Papa Franġisku tkellem dwar numru ta’ inċidenti u sitwazzjonijiet li kienu fl-aħbarijiet f’dawn l-aħħar jiem.

Papa Franġisku kkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakk terroristiku li twettaq fi tmiem il-ġimgħa fil-Kattidral ta’ Jolo fil-Filippini waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Hu talab lil Alla biex jilqa’ lill-20 vittma ta’ dan l-attakk u jikkonverti l-qlub ta’ dawk li wettquh u jagħti l-paċi lill-abitanti tal-post.

Fuq il-gżira Jolo, fejn seħħ l-attakk l-estremisti Musulmani huma attivi ħafna.  L-ISIS ħadu responsabbiltà għal dan il-massakru.

Skont rapport ta’ Vatican News, il-Papa offra wkoll talb għall-vittmi li ntradmu meta meta nfaqgħet diga fil-Brażil f’dawn l-aħħar jiem fejn 40 persuna tilfu ħajjithom u għad hemm madwar 250 persuna mitlufa. Fakkar ukoll u talab għall-114 il-persuna li mietu meta sploda pajp tal-gass fil-Messiku.

“Nitlob il-ħniena t’Alla fuq dawn il-vittmi kollha filwaqt li nitlob għal dawk feruti jew mitlufa u nesprimi l-imħabba tiegħi lill-familjari ta’ dawn il-vittmi u ngħidilhom li nħossni qrib tagħhom ħafna” qal il-Papa.

Il-ħsibijiet ta’ Papa Franġisku mbagħad daru fuq is-sitwazzjoni fil-Venezuela u qal li “kemm ili hawn fil-Panama ħsibt ħafna fuq il-poplu Venexzuelan li f’dawn il-jiem inħossni qrib ħafna tiegħu. “Quddiem is-sitwazzjoni gravi ta’ bħalissa, nitlobkom titolbu għal soluzzjoni ġusta li tirrispetta d-drittijiet umani u tfittex biss il-ġid tal-poplu”, appella.

Il-Papa mbagħad talab għall-21 rekluta fil-pulizija li nqatlu b’karrozza bomba f’Bogota. Semmihom kollha b’isimhom u qal li dawn inqatlu (is-17 ta’ Jannar), mill-mibegħda tat-terroristi. F’dan il-każ, l-Armata tal-Liberazzjoni li ħadet responsabbiltà għall-attakk qalet li dan l-attakk fuq stallazzjoni militari kien risposta leġittima għall-ibbumbardjar ta’ kamp tal-gwerillieri min-naħa tal-Forzi Armati tal-pajjiż.

U fl-aħħarnett, il-Papa fakkar il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Vittmi tal-Olokawst u sħaq li hemm bżonn inżommu ħajja l-memorja tal-passat u nitgħallmu mill-paġni suwed tal-istorja biex dawn l-iżbalji qatt ma jerġgħu jirrepetu ruħhom.

Apella lill-komunità internazzjonali li tibqa’ taħdem bla heda favur il-ġustizzja, tiżdied l-armonija u tissaħħaħ l-integrazzjoni biex tkun strument ta’ paċi u bennejja ta’ dinja aħjar.