Il-Papa jitlob għall-UE fi kriżi umana u ekonomika

Vatican Media/­Handout via REUTERS

F’dan il-mument sensittiv u ta’ sfidi kbar, deskritt minn uħud bħala mument kruċjali għall-Unjoni Ewropea, il-Papa Franġisku talab sabiex, il-pajjiżi Ewropej u l-Unjoni Ewropea jiskopru mill-ġdid is-sens qawwi ta’ komunità u fraternità li kienu l-bażi li fuqu l-UE twaqqfet aktar minn 60 sena ilu.

L-ewwel Papa mhux ewropew f’aktar minn 10 sekli, saħaq dwar il-bżonn li l-pajjiżi u l-mexxejja tal-UE jaħdmu flimkien sabiex joħorġu minn dik li wħud qed isejħulha paraliżi.

Il-valuri tal-fundaturi

L-Ewropa u l-UE kienu l-qalba tat-talba li għamel fil-bidu tal-quddiesa minn Santa Marta, fil-Belt tal-Vatikan nhar l-Erbgħa 22 ta’ April. Il-Papa Franġisku offra l-quddiesa sabiex: “F’dan il-mument li fih l-għaqda hi bżonjuża ħafna, bejnietna u bejn in-nazzjonijiet, ejjew nitolbu għall-Ewropa, sabiex l-Ewropa jirnexxilha toħloq l-għaqda fraterna li l-fundaturi tal-Unjoni Ewropea tant xtaqu.”

F’mument fejn uħud qed jistaqsu jekk din il-kriżi hix il-bidu tat-tmiem tal-UE, il-Papa Franġisku hu wieħed minn dawk li qed ikompli jħeġġeġ sabiex il-proġett mibdi wara t-Tieni Gwerra Dinjija jkompli jissaħħaħ u ma jispiċċax fix-xejn.

Kriżi umana mhux biss ekonomika

L-enfasi li l-Papa qed jagħmel fuq il-valuri li hemm fis-sisien tal-Unjoni Ewropea sabet anke eku f’dak li qal il-President tal-Kummissjoni tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE), il-Kardinal Jean-Claude Hollerich. Huwa saħaq li aktar milli kriżi ekonomika fiha nnifisha dak li qiegħed jhedded l-UE u l-pajjiżi individwali hi kriżi fil-prinċipji fundamentali tas-solidarjetà.

Hu saħaq li fl-Ewropa, dan l-aħħar wieħed seta’ jinnota li numru ta’ mexxejja għandhom għal qalbhom aktar l-interessi nazzjonali mill l-interessi komuni. Skont il-Kardinal Hollerich “Din il-kriżi qiegħda tiffavorixxi dan l-individwaliżmu tan-nazzjonjiet.”

L-ideali Ewropej

“L-Ewropa ma tistax tinbena mingħajr l-ideal ta’ Ewropa waħda u mingħajr l-ideali Ewropej.” Saħaq dan hu u jirreferi għall-kriżi fil-kampijiet ta’ refuġjati u fil-baħar Mediterran, b’xeni ta’ dgħajjes jgħerqu u kampijiet iffullati.

B’riferiment speċifiku għas-sitwazzjoni tal-coronavirus, il-Kardinal Hollerich qal li n-nuqqas ta’ solidarjetà se tkun “ferita fatali.” “Nibża’” saħaq il-Kardinal, “li n-nuqqas tas-solidarjetà tista’ twassal biex ħafna jaqtgħu qalbhom mill-proġett Ewropew.”

Din kienet ukoll l-istqarrija li għamel l-Ekonomista Stefano Zamagni, konsulent dwar l-ekonomija tal-Papa Franġisku. Skont Zamagni “hemm bżonn li nerġgħu ngħożżu l-prinċipji fundamentali li jsaħħu l-komunità.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn