Il-Papa jitlob għall-protezzjoni tal-Eġittu, il-Lvant Nofsani u d-dinja mit-terroriżmu

Il-ġimgħa li għaddiet, delegazzjoni Eġizzjana mmexxija mill-Ministru tat-Turiżmu Eġizzjan għamlet żjara fil-Vatikan biex tippromwovi pellegrinaġġ fuq il-passi tal-Familja Mqaddsa fil-ħarba lejn l-Eġittu.
Il-Papa Franġisku qal li għandu memorja sbieħ tal-vjaġġ Appostoliku li għamel f’April li għadda fl-Eġittu. L-Eġittu hi l-art fejn San Ġużepp, il-Madonna u Ġesu’ Bambin, kif ukoll ħħafna profeti, għexu; art imbierka bid-demm prezzjuż li ħafna martri xerrdu matul is-sekli.
Huwa ddeskriva l-Eġittu bħala art li tilqek, art ta’ laqgħat, storja u ċiviliżazzjoni kbira. Hu ta l-Barka Appostolika tiegħu lill-Eġizzjani u talab lil Alla biex jipproteġi lil dan il-pajjiż, lil-Lvant Nofsdani u lid-dinja kollha mi-theddida tat-terroriżmu u kull forma ta’  ħażen. Il-Papa bierek ikona li tirrappreżenta l-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu.
Id-delegazzjoni Eġizzjani qed tiltaqa’ ma rappreżentanti mill-qasam tat-Turiżmu f’Ruma bil-għan li tpoġġi  it-triq mnejn għaddiet il-Familja Mqaddsa fil-ħarba lejn l-Eġittu bħala destinazzjoni għal pellegrinaġġi reliġjużi.
Il-Ministru tat-Turiżmu Eġizzjan, Yahya Rashed qal li dan il-pellegrinaġġ jimxi fuq il-vjaġġ li l-Papa Franġisku kien għamel fl-Eġittu ftit xhur ilu u jidħol fil-qafas tal-importanza kbira li l-Eġittu jagħti lit-Turiżmu Reliġjuż.
Il-Pellegrinaġġ se jgħaddi minn tmien postijiet differenti li għandhom tifsira marbuta mal-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu meta ħarbet mill-persekuzzjoni kif ukoll fi triqtha lura mill-Eġittu għall-Art Imqaddsa.  Dan se jibda minn Al-Arish – fis-Sinai – jaqsam ix-xmara Nil sa Wadi Natroun fejn hemm erba’ monasteri Kopti importanti ħafna.
Il-pellegrinaġġ hu maħsub ukoll biex jgħin il-minoranza Kristjana fl-Eġittu.