Il-Papa jitlob għall-protezzjoni tal-baħar mill-plastik

Il-Papa Franġisku, li tul is-snin tkellem bis-sħiħ biex tittieħed azzjoni dwar it-tisħin globali, illum għamel sejħa sabiex kulħadd jaħdem flimkien biex titwaqqaf il-ħsara li qed issir lill-oċeani minħabba l-iskart tal-plastik.

Sostna li ma nistgħux inħallu l-ibħra u l-oċeani jsiru minjieri tal-plastik. Irrimarka li rridu nitolbu daqs li kieku kollox jiddependi fuq il-providenza ta’ Alla, imma hemm bżonn li naħdmu daqs li kieku kollox jiddependi fuqna.

Il-Papa kien qed jindirizza grupp ta’ madwar 100 sid ta’ negozju li ġew mistiedna fil-Vatikan. Hu sostna li kull wieħed u waħda minna responsabbli għall-futur tad-dinja.

Figuri tan-Nazzjonijiet Magħquda juru li tmien miljun tunnellata ta’ plasik jispiċċaw fl-ibħra u fl-oċeani kull sena. Dawn iwasslu għall-massakru tal-ħajja marittima, kif ukoll jispiċċaw b’xi mod jew ieħor fl-ikel.

Ix-xjentisti qed jitolbu restrizzjonijiet aktar ħorox fuq l-iskart tal-plastik. F’Diċembru 200 nazzjon qabel li għandu jitnaqqas l-ammont ta’ plastik li jsib ruħu fl-ibħra u l-oċeani. Dan hekk kif hemm ir-riskju li sal-2030 l-ammont ta’ plastik fil-baħar se jkun akbar mill-ammont ta’ ħut.