Il-Papa jitlob għall-paċi flok mibegħda wara attakki fuq knisja

Il-Papa Franġisku talab għar-rikonċiljazzjoni flok il-mibegħda u l-vjolenza wara attakk suwiċida fi knisja fl-Indoneżja li ħalla 14-il persuna mejta u għexieren oħra midruba.
Familja b'erbat itfal kienet responsabbli għal dan l-attakk.
Nhar il-Ħadd il-Papa qal li jħossu qrib il-poplu tal-Indoneżja partikolarment il-komunità Nisranija ta’ Surabaya li sofriet dan l-attakk fil-knisja tagħha, u talab għall-vittmi u l-qraba tagħhom. Hu talab għall-paċi u biex jieqfu dawn l-azzjonijiet vjolenti u jpoġġi fil-qlub ta’ kulħadd mhux mibegħda u vjolenza iżda rikonċiljazzjoni u fraternità.
Familja oħra ta’ ħamsa, inkluż it-tfal, wettqu attakk suwiċida ieħor fl-istess belt din id-darba fuq għassa tal-Pulizija fejn kienu feruti 10 persuni oħra.
Fl-attakk fil-Knisja, omm u żewġ uliedha ta’ 9 u 12-il sena splodew lilhom infushom filwaqt li l-missier u żewġ uliedu oħra wettqu attakk fi knisja oħra.
L-ISIS ħadet responsabbiltà għal dawn l-attakki. 
Il-Kap tal-Pulizija Indoneżjana qal li l-familja li wettqet l-attakk kienet fost 500 persuna li kienu ddeportati mis-Sirja riċentement wara li ppruvaw jingħaqdu mal-ISIS iżda kienu arrestati mill-pulizija Torka.
Il-knejjes fil-mira ta’ dawn l-attakki kienu l-Knisja Kattolika ta’ Santa Marija; il-Knisja tal-Insara Indoneżjani f’Diponegoro u ċ-Ċentru tal-Knisja Pentekostali ta’ Surabaya.
Kien hemm żewġ attentati oħra kontra knejjes iżda l-bombi ma splodewx.  Fid-dar tal-familja nstabu aktar bombi.