Il-Papa jitlob għall-immigranti “imġiegħla jaħarbu minn darhom bħal Ġesù”

Read in English.

Il-Papa Franġisku llum iddedika l-Jum Dinji tal-Immigranti u r-Refuġjati għal talb għal dawn il-persuni li xebbahhom ma’ Ġesù, peress li bħalu, dawn ikunu mġiegħla jaħarbu minn darhom.

Illum huwa l-106 Ħadd li qed jiġi ddedikat lill-immigranti u r-refuġjati. Dan il-jum jiġi ċċelebrat kull sena fl-aħħar Ħadd ta’ Settembru.

Hu u jindirizza lin-nies li nġabru l-Vatikan għall-Anġelus tal-Ħadd, il-Papa Franġisku qal li llum għandu messaġġ speċjali għall-immigranti u r-refuġjati fi Pjazza San Pietru. Qalilhom li qed jitlob għalihom u għal dawk kollha li jgħinuhom.

Dan is-sajf, il-Papa Franġisku kkumpara l-postijiet fejn jinżammu l-immigranti fil-Libja ma’ kampijiet tal-konċentrament.

F’Malta, l-Arċisqof Charles Scicluna wkoll immarka dan il-jum b’quddiesa ċċelebrata fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan. Għal din il-quddiesa attendew immigranti li jgħixu Malta u li qed jingħataw l-għajnuna mill-Kummissjoni Emigranti li f’isem il-Knisja f’Malta toffri akkomodazzjoni lil madwar 400 persuna. Il-Kummissjoni taħdem biex dawn in-nies ikunu milqugħin, megħjuna u integrati fis-soċjetà.

Fl-omelija tiegħu, Mons. Scicluna aċċenna għall-mod kif il-Maltin jitkellmu fuq l-immigranti, li qal li xi drabi jkun iebes iżżejjed. Huwa fakkar lill-Maltin li għandhom jilqgħu lill-immigranti u mhux jittollerawhom jew jissaportuhom.