Il-Papa jitlob azzjoni iktar effettiva kontra t-traffikar tan-nies

Il-Papa Franġisku lmenta li l-problema tat-traffikar tal-bnedmin qed issir aktar akuta. “Din il-problema hi forma ta’ skjavitù u delitt kontra l-umanità, vjolazzjoni gravi tad-drittijiet umani u pjaga attroċi.” Il-Papa għamel dan l-ilment f’messaġġ li bagħat għal Konferenza fuq dan is-suġġett li hi sponsorjata mill-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).
Il-Papa rrimarka li llum jeżistu forom ġodda ta’ skjavitù mmexxija minn organizzazzjonijiet kriminali. Qal li l-problema tant qed tikber li wieħed jibda jiddubita jekk hemmx impenn serju minn organiżazzjonijiet important, biex jeqirdu din il-forma ta’ skjavitù.
Spjega li wieħed irid jirrikonoxxi li sar ftit li xejn biex naraw għaliex ħafna żgħażagħ qed ikunu mqarrqa jew mibjugħa għat-traffikar uman jew skjavitu. Il-Papa irrikonoxxa li f’dawn il-każi hu diffiċli li wieħed jieħu passi kontra t-traffikanti iżda sostna li jrid isir sforz akbar biex ikunu proċessati “il-konsumaturi” ta’ dan it-traffiku li huma il-veru awturi ta’ dawn id-delitti faħxin.
Fil-konferenza li qed issir fi Vjenna, il-messaġġ tal-Papa inqara mill-Ġiżwita Michael Czerney li huwa Sotto Segretarju tat-Taqsima Emigranti u Refuġjati fid-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Uman Integrali.
Il-Papa fl-indirizz tiegħu lill-konferenza irripeta kliem li kien qal fl-2014 meta għamel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Dakinhar kien ilmenta li ħafna tfal qed ikomplu jkunu esplojtjati, trattati ħażin, miżmuma bħala skjavi u esposti għal vjolena u traffikar illegali.
“Ħafna aktar tfal qed jgħixu f’eżilju, bħala refuġjati u xi drabi mitlufa fil-baħar Mediterran. Illum, irridu nammettu dan u nistħu quddiem Alla”, sostna il-Papa Franġisku.
Il-Konferenza qed tippromwovi azzjoni preventive kontra t-traffikar uman  permezz tal-prevenzjoni, protezzjoni u l-prosekuzzjoni. Flimkien ma dawn it-tliet miri il-Papa żied oħra “is-sħubija”.
Il-Papa sostna li “id-domanda u l-provista” tat-traffikar uman għandhom l-għeruq tagħhom fil-konflitti u l-gwerer, iċ-ċaħda ekonomika (faqar) u d-diżastri naturali li bihom il-vittmi jkunu f’faqar estrem, sottosvilupp, esklużjoni, qgħad u nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni.
Il-Papa enfasiżża li l-protezzjoi mit-traffikar uman tibda mill-protezzjoni lill-familja. Sostna li l-mira aħħarija għandha tkun “l-aħjar interess tat-tfal li fih id-dimensjoni tal-familja għandha post ta’ importanza kbira”.
Għalhekk għandu jkun hemm politika u programmi li jagħtu lill-familja l-għodda important biex jipproteġu u jrabbu ‘l uliedhom li huma f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Dawn l-għodod jinkludu djar diċenti, kura medika, opportunitajiet ta’ xogħol u edukazzjoni. Dawn huma affarijiet li l-pajjiżi membri fl-OSCE jistgħu jipprovdu.